Lokali

Jaqdfu 1,300km sabiex jiġbru aktar flus għar-riċerka tal-kanċer

35 ċiklist se jaqdfu 1,300km minn Barcelona sa Santiago di Compostela bil-għan li jiġbru aktar flus għar-riċerka tal-kanċer.

Din l-inizjattiva ilha għaddejja għal dawn l-aħħar 10 snin minn Alive Charity Foundation sabiex l-Università ta’ Malta u istituzzjonijiet oħra f’pajjiżna jkunu jistgħu jkomplu bir-riċerka tagħhom dwar il-marda tal-kanċer.

L-għan huwa li b’kollox tinġabar is-somma ta’ €300,000.

F’kummenti ma’ Net News il-fundaturi tal-Alive Charity Foundation Nicky Camilleri u Elton Barry ddeskrivew din l-inizjattiva bħala ġest mill-aktar nobbli.

Vjaġġ bħal dan jirrikjedi ħidma u determinazzjoni kbira, fejn Elton Barry qal li l-postijiet għal dan il-vjaġġ imtlew f’5 tijiem biss. Dan filwaqt li t-training għal ċikliżmu fuq distanza twila beda fi Frar li għadda. Dan għaliex f’dan il-vjaġġ jingħaqdu magħhom nies li m’għandhomx esperjenzaw f’dan it-tip ta’ ċikliżmu.

Sabiex wieħed ikun jista jagħmel sfida bħal din irid ikun ippreparat kemm fiżikament kif ukoll mentalment.

Elton Barry qal li vjaġġ bħal dan jirrikjedi ħafna loġistika fosthom il-waqfien li se jagħmlu u l-provvista tal-ilma fost affarijiet oħra.

Minn naħa l-oħra waqt dan il-vjaġġ, l-Alive Charity Foundation se ttella’ aġġornamenti kull filgħaxija fuq il-midja soċjali… b’din l-isfida tiġi fi tmiemha fl-1 ta’ Lulju.

Alive Charity Foundation tappella lill-pubbliku għad-donazzjonijiet fejn wieħed jista’ jidħol fuq is-sit alivecharity.com sabiex ikun parti minn dan il-ġest għal għan nobbli.