Internazzjonali

Ir-reġim ta’ Putin kien deher f’xifer li jikkrolla, iżda l-merċenarji tal-Wagner waqqfu l-avvanz fuq il-kapitali

Inkredibbli iżda vera – ir-reġim tal-President Russu Vladimir Putin sa ftit ilu kien qed jidher viċin ta’ kollass b’riżultat ta’ rewwixta mill-grupp tal-merċenarji Wagner ta’ Yevgeny Prigozhin…Qawwa ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ġellieda b’esperjenza kbira tal-gwerer u li , sa ftit ilu, kienu qed javvanzaw fuq Moska.

U għakemm Prigozhin insista li dan ma kienx kolp ta’ stat mill-merċenarji tiegħu, l-aħħar żviluppi bla dubju huma daqqa ta’ ħarta kbira għall-Kremlin. Dan fost indikazzjonijiet ċari li r-Russja kienet waslet l-eqreb għal gwerra ċivili mill-bidu tad-disgħinijiet u meta l-pajjiż kien għaddej minn taqlib kbir taħt il-President Boris Yeltsin.

Id-dinja ilha l-aħħar sigħat issegwi b’interess kbir ‘it-theżżiża’ kbira fil-qalba tar-Russja – u sakemm Prigozhin ħareġ direttivi biex it-truppi tiegħu jieqfu mill-avvanz ‘biex jevitaw tixrid tad-demm’. Dan meta l-merċenarji kienu waslu sa 120 mil biss ‘il bogħod mill-Kremlin.

Ingħad ukoll li Prigozhin ordna lill-qawwiet tiegħu biex jirritornaw fil-bażijiet tagħhom wara negozjati mal-President tal-Belarus Alexander Lukashenko – kif ukoll bi ftehim ma’ Putin innifsu.

U waqt li l-merċenarji ta’ Prigozhin – li jinkludu ħafna eks-ħabsin – jammontaw għal bejn 25,000 u 30,000 membru, hu minnu li numru sinifikanti ta’ suldati regolari tal-Armata (Russa) kienu wkoll issieħbu għal żmien fl-hekk-imsejħa ‘marċ għall-ġustizzja’ lejn il-qalba ta’ Moska.

Filwaqt li kollox għad jista’ iseħħ, l-iżviluppi bilfors li taw lill-poplu Russu x’jifhem li l-gwerra fl-Ukrajna mhix sejra daqstant tajjeb daqskemm qed jippruvaw ipittru l-propagandisti u apoloġisti tal-Kremlin involuti man-networks tal-aħbarijiet lokali.

Intant, Putin żgur li mhux se jaħfirha lil Prigozhin – sa ftit ilu alleat kbir tiegħu – ‘għal dan it-tradiment’ u meta hemm inċertezza kbira dwar il-futur militari u politiku tal-Kap tal-Wagner.

Madankollu,  il-fatt li l-qawwiet tal-Wagner setgħu jaqsmu mill-Ukrajna u jaħtfu z-zoni sensittivi ta’ Rostov mingħajr ħadd ma jopponihom hu embarazzanti ħafna għal Putin u sħabu fil-Kremlin. Dan wara li t-truppi tal-Wagner ħatfu wkoll il-faċilitajiet militari fl-inħawi ta’ Voronezh.

Il-kriżi bdiet meta Prigozhin sejjaħ għal rewwixta kontra l-Armata tar-Russja wara xhur ta’ diżgwid u differenzi mal-Ġenerali militari ewlenin tal-pajjiż – u partikularment mal-Ministru tad-Difiża Russu Sergei Shoigu.

Intant Prigozhin qed jiċħad li kien qed jaħseb ‘f’attakk fuq il-Kremlin’ anki jekk il-movimenti tat-truppi tiegħu ħolqu paniku assolut fis-Sede tat-Tmexxija tar-Russja.

Fil-fatt, il-kapitali Moska u l-madwar bħalissa jinsabu taħt sigurtà intensiva, bl-awtoritajiet lokali javżaw liċ-ċittadini biex jevitaw l-ivvjaġġar li mhux assolutament neċessarju. Dan waqt li l-avvenimenti pubbliċi kollha f’Moska spiċċaw sospiżi sal-1 ta’ Lulju,