Wara li kompliet teskala t-tensjoni bejn il-Kremlin u l-grupp tal-merċinarji Wagner, il-President Putin akkużhom li jridu jwettqu “ribelljoni”…filwaqt illi kkundanna lil dawk kollha li qed jitradixxu lill-pajjiż.
F’indirizz lin-nazzjon, Vladimir Putin insista li din il-mossa hija daqqa ta’ stallett f’dahar il-poplu Russu.
It-tensjoni eskalat wara li l-Kap tal-Wagner Yevgeny Prigozhin akkuża lill-militar Russu illi wettaq attakk bil-missili fuq in-nies tiegħu fl-Ukrajna – akkuża li l-ministeru tad-Difiża qed tiċħad.
L-affarijiet komplew imorru għall-agħar hekk kif Prigozhin ħabbar li huwa dar kontra l-armata Russa; iżda ċaħad li dan kien kolp ta’ stat.
Permezz ta’ filmat, Prigozhin ħabbar li l-forzi tiegħu ħadu kontroll ta’ diversi żoni fin-Nofsinhar tar-Russja fil-belt ta’ Rostov u se jibqgħu sejrin sa Moska jekk il-kapijiet Russi responsabbli mid-difiża mhux se jitkellmu miegħu.
Dan kollu qed jitqies bħala żvolta pożittiva għall-qawwiet Ukreni, hekk kif kaġun ta’ dan il-kunflitt intern kemm il-Kremlin kif ukoll il-merċenarji tal-Wagner irrilokaw it-truppi tagħhom.
Intant, rapporti mir-Russja qed jindikaw li fl-aħħar sigħat sar raid fuq il-kwartieri tal-Wagner fil-belt ta’ San Pietruburgu.
//= $special ?>