Sport Waterpolo

FILMAT: L-ewwel reazzjoni tal-President tal-ASA Karl Izzo wara l-kwalifikazzjoni ta’ Malta għall-Kampjonat Ewropew

Artiklu: Stewart Said

Ir-rebħa ta’ Malta kontra l-Bulgarija, l-istennija dwar ir-riżultat finali tal-Portugall f’pajjiż ieħor minħabba d-differenza tal-gowls u l-konferma tal-kwalifikazzjoni li wasslet tiċrita ta’ tbissima fuq wiċċu. Fi ftit kliem dan kien il-Ħadd filgħodu tal-President tal-ASA Karl Izzo.

Din hi l-ħames kwalifikazzjoni konsekuttiva għal Malta fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Izzo kien involut fihom iżda din id-darba kellu rwol differenti. Jekk fl-ewwel erba’ kwalifikazzjonijiet kien il-kowċ nazzjonali, Izzo din id-darba jinsab fit-tmun tal-assoċjazzjoni.

“Il-ħames kwalifikazzjoni imma l-ewwel waħda bħala President. Daqsxejn diffiċli għalija biex inkun fl-istands nara ċertu logħbiet meta tkun imdorri bħala kowċ, imma naħseb li x-xogħol li qed isir, qed isir tajjeb ħafna.”

L-għażla tal-iskwadra finali mill-kowċ nazzjonali Milan Cirovic ħolqot sorpriża jew tnejn iżda finalment ħalliet l-effett mixtieq. Izzo wera l-kuntentizza għal dan ir-riżultat anki minħabba li skont hu l-plejers magħżula kkonfermaw li huma l-aqwa li kienu qed jilagħbu fil-kampjonat lokali.

“Kien hemm tensjoni kbira f’dawn it-tlett ijiem. Mhux għax ma kellix fiduċja fit-tim tiegħi imma kellna nistennew ir-riżultati tal-oħrajn.” Il-President tal-ASA faħħar il-prestazzjonijiet tal-plejers anki minħabba li Malta lagħbet spiċċat il-logħba impenjattiva tas-Sibt kontra l-Ġermanja fid-9.00pm u 12-il siegħa wara lagħbu kontra l-Bulgarija.

Wara din il-kwalifikazzjoni, l-attenzjoni tal-ASA u t-tim nazzjonali tal-irġiel issa ddur fuq il-preparazzjoni għall-parteċipazzjoni f’Netanya fl-Iżrael f’Jannar li ġej. Il-mira hi ċara jiġifieri li jinkiseb riżultat aħjar mill-14-il post miksub fl-aħħar edizzjoni fi Split.