Lokali

F’wieħed minn kull tliet pajjiżi fid-dinja m’hemmx libertà reliġjuża

L-istudju jkopri l-perjodu bejn Jannar 2021 u Diċembru 2022, u hu l-uniku rapport mhux governattiv li janalizza l-ksur mad-dinja kollha, għar-reliġjonijiet kollha, tad-dritt kif fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Id-dritt fundamentali tal-bniedem għal-libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon qed ikun miksur f’wieħed minn kull tliet pajjiżi fid-dinja (31%), jiġifieri f’61 minn 196 pajjiż. B’kollox, kważi 4.9 biljun ruħ, jew 62% tal-popolazzjoni globali, jgħixu f’pajjiżi fejn il-libertà reliġjuża hi ristretta ħafna.

Ir-Rapport Dinji dwar il-Libertà Reliġjuża tal-2023 (RFR), ippubblikat din il-ġimgħa mill-fondazzjoni pontifiċja Aid to the Church in Need International (ACN), jenfasizza t-theddid u t-tendenzi li qed jiżdiedu kontra dan id-dritt, u jiżvela li, b’mod ġenerali, il-persekuzzjoni kontra l-fidi marret għall-agħar, bl-impunità tkompli tiżdied.

L-istudju jkopri l-perjodu bejn Jannar 2021 u Diċembru 2022, u hu l-uniku rapport mhux governattiv li janalizza l-ksur mad-dinja kollha, għar-reliġjonijiet kollha, tad-dritt kif stabbilit fl-Artiklu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Ir-rapport isib li d-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni huma evidenti b’mod ċar f’61 pajjiż, u li f’49 minn dawn hu l-gvern li jippersegwita jew saħansitra joqtol liċ-ċittadini tiegħu stess għal raġunijiet reliġjużi mingħajr ebda reazzjoni mill-komunità internazzjonali. Anke komunitajiet reliġjużi maġġoritarji issa qed ikunu mhedda.

Regina Lynch, li dan l-aħħar inħatret President Eżekuttiv ta’ ACN International, tispjega li l-għan ewlieni ta’ dan ir-rapport hu li “jinkuraġġixxi lin-nies biex jinvolvu ruħhom u jgħinu lil dawk li qed iġarrbu persekuzzjoni reliġjuża permezz tat-talb, qsim ta’ informazzjoni, appelli favur il-vittmi, involviment tal-politiċi u rapporti dwar din ir-realtà  f’partijiet differenti tad-dinja”.

“Dan ir-rapport dwar il-Libertà Reliġjuża fid-Dinja jiġbor tagħrif u jipprovdi analiżi dwar l-abbuż ta’ dan id-dritt fundamentali tal-bniedem. Hu għodda u bħal kwalunkwe għodda, din tkun tajba daqskemm persuna tkun taf tużaha: għalhekk ikun tajjeb li dan ir-rapport jinxtered fost ħafna ħalli lkoll naħdmu biex inwettqu l-bidla meħtieġa,” tgħid Regina Lynch.

Il-persekuzzjoni reliġjuża qed tiżdied

Skont il-mappa tal-RFR, 28 stat huma mmarkati bl-aħmar jiġifieri “pajjiżi fejn tirrenja persekuzzjoni reliġjuża”, u 33 huma oranġjo li jindikaw livelli għoljin ta’ diskriminazzjoni reliġjuża. F’47 minn dawn il-pajjiżi s-sitwazzjoni marret għall-agħar minn meta kien ippubblikat ir-rapport ta’ qabel, filwaqt li l-affarijiet tjiebu f’disgħa minnhom biss.

Waħda mill-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport tal-ACN hi li komunitajiet reliġjużi minoritarji qegħdin f’sitwazzjoni dejjem aktar kerha, u f’xi każi qed jiffaċċjaw l-qerda tagħhom minħabba terroriżmu, attakki fuq il-wirt kulturali tagħhom, u miżuri aktar sottili bħall-proliferazzjoni ta’ liġijiet, abbużi bir-regoli elettorali u restrizzjonijiet finanzjarji. Madankollu, hemm ukoll każi ta’ komunitajiet reliġjużi maġġoritarji li qed ikunu ppersegwitati wkoll, bħal fin-Nikaragwa u fin-Niġerja.

L-impunità qed tiżdied

Ir-rapport jinnota wkoll li matul l-aħħar sentejn, żdied il-poter ta’ gvernijiet awtoritarji u mexxejja fundamentalisti li jridu poter bla limiti u li jibżgħu minn twemmin spiritwali u komunitajiet reliġjużi. L-impunità saret element kostanti madwar id-dinja, u f’36 pajjiż (18%) hu rari, jekk qatt, li l-għedewwa tar-reliġjonijiet ikunu arrestati għar-reati li jwettqu.

Is-silenzju min-naħa tal-komunità internazzjonali jikkontribwixxi biex tikber din l-impunità għal reġimi meqjusa bħala strateġikament importanti għall-Punent, bħal mhuma ċ-Ċina u l-Indja. Dawn mhux qed ikunu suġġetti għal sanzjonijiet internazzjonali jew għal xi konsegwenzi oħra għar-reati tagħhom. L-istess japplika għal pajjiżi bħan-Niġerja u l-Pakistan.

Sejbiet ewlenin

L-Afrika għadha l-aktar kontinent vjolenti, b’żieda fl-attakki tal-ġiħadisti li jagħmlu s-sitwazzjoni tal-libertà reliġjuża saħansitra aktar allarmanti. Kważi nofs il-“pajjiżi fejn hemm persekuzzjoni sħiħa” fuq il-mappa tal-RFR, jiġifieri 13 minn 28, jinsabu fl-Afrika. L-attività ġiħadista tidher b’mod speċjali fir-reġjun tas-Saħel, fiċ-Ċhad, il-Możambik, u s-Somalja, u qed tinfirex f’pajjiżi ġirien.

Iċ-Ċina u l-Korea ta’ Fuq jibqgħu ż-żewġ pajjiżi fl-Asja bl-agħar rekord ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem inkluż il-libertà reliġjuża, bl-istat ikollu kontroll totalitarju permezz ta’ sorveljanza u miżuri estremi ta’ ripressjoni kontra l-popolazzjoni.

L-RFR iħares mill-qrib ukoll lejn l-Indja, fejn żdiedet il-persekuzzjoni. L-inċidenti ta’ konverżjoni reliġjuża sfurzata, ħtif u vjolenza sesswali (inkluża skjavitù sesswali) ma naqsux u baqgħu jkunu injorati mill-forzi tal-ordni, kif inhu wkoll il-każ fil-Pakistan fejn tfajliet Kristjani u Hindu spiss jinħatfu u mġiegħla jiżżewġu bil-forza.

L-RFR jispjega wkoll il-kriżijiet serji li qed iseħħu f’komunitajiet Musulmani. Minn naħa, ħafna żgħażagħ Musulmani għadhom ikunu attirati minn netwerks terroristiċi Iżlamiċi, iżda min-naħa l-oħra, speċjalment fil-Lvant Nofsani, qed jinfirex in-nuqqas ta’ twemmin Musulman. Fl-Iran, pereżempju, 47% tal-popolazzjoni ddikjaraw l-ebda affiljazzjoni reliġjuża u 32% biss identifikaw ruħhom bħala Xi’iti.

Kultura ta’ kanċellament

L-RFR jiffoka wkoll fuq iż-żieda fil-limiti imposti fuq il-libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon f’pajjiżi li huma membri tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Matul l-aħħar sentejn, il-Punent inbidel minn klima ta’ hekk imsejħa “persekuzzjoni edukata” lejn dawk li jridu jgħixu fil-miftuħ u jesprimu l-fidi tagħhom għal waħda ta’ “kultura ta’ kanċellament” u bi pressjoni soċjali qawwija biex dawk li jemmnu jikkonformaw max-xejriet ideoloġiċi preżenti.

Fuq nota pożittiva, ir-rapport juri żieda ta’ inizjattivi ta’ djalogu inter-reliġjuż, u r-ritorn milqugħ minn ħafna għal ċelebrazzjonijiet reliġjużi mingħajr restrizzjonijiet f’ħafna pajjiżi wara l-lockdownstal-COVID 19.

Ir-rapport sħiħ jista’ jinkiseb mingħand l-ACN (Malta) billi ċċempel 2148 7818 jew permezz ta’ imejl fuq admin@acnmalta.org