Lokali

George Vella rabat idejn Robert Abela fuq il-liġi tal-abort

Il-Gvern ta’ Robert Abela ma kellux għażla oħra ħlief li jbaxxi rasu u  jemenda l-liġi tal-abort… dan hekk kif il-Gvern ma setax jaffaċċja r-riżenja tal-President George Vella. Hekk iddikjaraw il-gazzetti tal-Ħadd, wara li Abela qatta’ xhur sħaħ ikaxkar saqajh – sakemm spiċċa dahru mal-ħajt.

Il-President Vella kemm-il darba kien ta x’jifhem li ma kienx se jiffirma dan l-abbozz ta’ liġi, u jekk jiddaħħal l-abort f’pajjżna kien lest li jirriżenja mill-kariga tiegħu.

Robert Abela żgur ma kienx lest jaffaċċja din ir-riżenja… u ma kienx se jaċċetta li t-tmexxija tiegħu tibqa’ mtappna minn din ir-riżenja tal-President tar-Repubblika; li kienet tkun l-ewwel darba li tiġri minn meta Malta saret Repubblika.

Persuni li tkellmu mal-‘MaltaToday’ qalu li kien ikun politikament imbarazzanti u kienet tinħoloq kriżi Kostituzzjonali li kieku l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela kellha taffaċċja din ir-riżenja.

Dan filwaqt li artiklu ppubblika fil-gazzetta ‘Illum’ jitfa’ dawl fuq il-kunflitti interni li ilhom snin għaddejin fi ħdan il-Partit Laburista. Dan hekk kif huwa fatt magħruf li bejn il-President George Vella u l-President Emeritu George Abela – missier Robert Abela – hemm kunflitt  li jmur lura għal snin twal…. propju għaż-żmien tat-tmexxija tal-eks Prim Ministru Alfred Sant.

U issa…. fil-każ tal-abort, Robert Abela kellu jbaxxi rasu għall-pressjoni li saritlu mill-President George Vella u jemenda din il-liġi; għalkemm il-Prim Ministru nnifsu aktar kmieni din il-ġimgħa, ma għalaqx il-bieb għall-introduzzjoni tal-abort

Wara l-appelli li saru minn diversi NGOs, mis-soċjetà ġenerali u anke mill-Partit Nazzjonalista – il-Ġimgħa filgħodu l-Gvern ħabbar l-emenda għal-liġi oriġinali li kienet se tfisser l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna, fejn saħaq li issa qed jikkwalifikaw xi tfisser periklu gravi – li jista’ jwassal għal mewt tal-omm. Dan fil-verita diġa’ isir fl-isptarijiet tagħna; iżda issa kemm l-omm u anke t-tobba se jkunu koperti bil-liġi.