Sport Waterpolo

Il-ħames kwalifikazzjoni konsekuttiva għal Malta mal-aqwa 16 tal-Ewropa

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Rapport: Stewart Said

MALTA……………… 22

BULGARIJA………. 4

(4-0), (9-1), (3-0), (6-3)

Waslet ukoll il-ħames kwalifikazzjoni konsekuttiva għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Din id-darba kienet ftit differenti mill-kwalifikazzjonijiet preċedenti minħabba li t-tim Malti kellu jistenna riżultati oħra biex jaċċerta ruħu.

Fl-aħħar logħba ta’ Grupp B, it-tim Malti kellu mira waħda. Rebħa kontra l-Bulgarija u bi skor kemm jista’ jkun kbir minħabba d-differenza tal-gowls. Ir-rebħa kienet mistennija li tasal minħabba kwalità inferjuri tal-avversarji u d-distakk finali kien biżżejjed biex Malta tkun wieħed mill-aħjar tliet pajjiżi li spiċċaw fit-tieni post.

Għat-tielet logħba konsekuttiva, it-tim Malti sab ix-xibka fl-ewwel azzjoni tal-logħba din id-darba permezz ta’ Jamie Gambin. Malta rnexxielha tieħu vantaġġ komdu ta’ 4-0 sa tmiem l-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Nikolai Zammit u doppjetta ta’ Jake Bonavia.

Fit-tieni sessjoni, it-tim Malti aċċerta ruħu mir-rebħa b’dominanza assoluta fl-ilma. L-urġenza tal-gowls dehret fl-intenzjoni tal-plejers Maltin li jtellgħu t-total ta’ gowls skorjati. Nikolai Zammit spikka bi tripletta filwaqt li Jayden Cutajar sab ix-xibka darbtejn.

It-tim Malti naqqas ftit mir-ritmu fit-tielet sessjoni iżda xorta rebaħ is-sessjoni bi tliet gowls mingħajr risposta. Jayden Cutajar, Jake Muscat u Nikolai Zammit.

Fl-aħħar sessjoni, spazju wkoll għall-gowlkiper ta’ riserva Nicky Grixti. It-tim Malti ried aktar gowls biex ikun f’pożizzjoni aktar komda ta’ kwalifikazzjoni. Jake Muscat spikka bi tripletta. It-tisfira finali ntlaqgħet minn ċapċip b’kawtela minħabba l-istennija li kien hemm bżonn, emozzjonijiet differenti minn kwalifikazzjonijiet preċedenti. Malta issa tibda l-preparamenti għal Jannar li ġej fl-Iżrael.

Malta: J. Tanti, J. Bonavia (3), L. Galea (2), J. Gambin (1), J. Cutajar (3), B. Plumpton (1), J. Muscat (4), B. Cachia, J. Abela, N. Zammit (6), A. Fenech (1), N. Bugelli (1), N. Grixti

Bulgarija: S. Raykov, M. Metodiev (1), N. Dimitrov, S. Ivanov, M. Valkov, M. Donchev (1), S. Iliev (1), F. Slavov, F. Uzunov, D. Stankov, A. Velkov (1), B. Torosov

Referees: Lukas Krol (Polonja), Erwin Schappers (Olanda)