Fil-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, il-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut qal li l-PN qed jiġġedded għax f’dan il-Kunsill Ġenerali, eleġġa r-rappreżentanti l-ġodda tiegħu għas-sentejn li ġejjin.
Fid-diskors tiegħu Mark Anthony Sammut qal li li huwa importanti li l-Partit jibqa’ jiġġedded sabiex ikompli jaħdem għall-pajjiż. Fejn ir-riżultati tal-Partit għall-pajjiż qed jidhru tassew, fosthom il-pressjoni li għamel fuq il-Gvern fuq l-emenda li kienet se ddaħħal l-abort f’Malta, fejn il-Gvern kellu jċedi u jemenda din il-liġi.
Huwa żied jgħid li l-Partit Nazzjonalsita, permezz tad-Deputat Adrian Delia, ħadem sabiex iġib lura t-tliet sptarijiet lill-poplu, fejn il-PN se jkompli jaħdem sabiex verament issir ġustizzja.
Mark Anthony Sammut semma wkoll kif il-Partit ħadem anke fis-settur tal-enerġia fejn issa fil-kontijiet tad-dawl u ilma, il-konsumatur qed jingħata l-flus ta’ dak li kien ħallas żejjed.
Min-naħa l-oħra pajjiżna għandu Gvern li lanqas jaf fejn sejjer, li ma jafx x’se jagħmel fost l-oħrajn dwar il-mudell ekonomiku li għandu jadotta pajjiżna. Gvern li għandu Prim Ministru dgħajjef u rikattat.
Mark Anthony Sammut qal li l-PN ilu jitkellm dwar proposti ġodda għal pajjiżna fosthom fis-settur tas-saħħa. Proposti biex jittaffa’ l-piż tal-għoli tal-ħajja. Proposti li permezz tagħhom se jissaħħaħ s-settur ambjentali ta’ pajjiżna, fosthom biex l-ambjent isir dritt fundamentali tal-bniedem.
Intant fil-bidu tal-Kunsill Ġenerali, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali Peter Fenech ħabbar ir-riżultat tat-tnax-il persuna li s-Sibt filgħaxija kienu eletti fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>