Raġel ta’ 60 sena mir-Rabat miet fil-post wara li tilef il-kontroll tal-karozza u baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkjati u f’faċċata ta’ residenza fi Triq Ġorġ Borg Olivier, ir-Rabat għall-ħabta tan-nofsiegħa.
Il-Pulizija marret fil-post u minn stħarriġ li sar irriżulta li sewwieq kellu impatt ma’ Fiat Punto u Peugeot 206 li kienu pparkjati, bil-vettura tieqaf ma’ faċċata ta’ residenza.
Raġel li joqgħod viċin fejn seħħ l-inċident, minnufih beda jagħti l-assistenza medika lis-sewwieq filwaqt li fil-post issejjaħ tim mediku. Sfortunatament, huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara fil-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gianella Busuttil li fetħet inkjesta sabiex tiġi stabbilitá l-kawża tal-mewt. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.