Il-Mexxej tal-Konservattivi Griegi Kyriakos Mitsotakis hu kważi ċert minn tieni mandat ta’ tmexxija bħala Prim Ministru tal-Greċja u wara li l-poplu, illum, ivvota għat-tieni darba f’xahar.
L-ewwel sinjali wara l-għeluq tal-votazzjoni huma li Mitsotakis kiseb il-maġġoranza assoluta li xtaq biex jiggverna lill-pajjiż waħdu. Dan wara li hu kien sejjaħ għal din l-elezzjoni minkejja li, ix-xahar li għadda, irnexxielu jikseb rebħa konvinċenti fuq l-isfidant taċ-ċentru-xellug, iżda mhux biżżejjed siġġijiet għal maġġoranza.
Hu mbassar li l-Partit għal Demokrazija Ġdida ta’ Mitsotakis se jirbaħ bejn 40 u 44 fil-mija tal-vot – b’vantaġġ assolut fuq il-Partit tas-Soċjalisti Syriza tal-eks Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras.
Taħt ir-regoli għal tieni elezzjoni fil-Greċja, il-konservattivi se jkollhom bonus ta’ siġġijiet fil-Parlament – għalkemm in-numru eżatt jiddendi mir-riżultat finali.
Mitsotakis fl-aħħar jiem kien deher fiduċjuż mill-maġġoranza meħtieġa biex jifforma l-Gvern stabbli li hu neċessarju għall-Greċja fi żmenijiet inċerti,. Dan waqt li hu baqa’ isostni li l-Greċja bl-ebda mod ma taffordja li tistrieħ fuq il- koalizzjonijiet fraġli.
Matul it-terminu tiegħu bħala Prim Ministru Grieg bejn l-2019 u l-2023, Kyriakos Mitsotakis irristawra l-istabbilità għall-ekonomija nazzjonali minbarra li presieda fuq iż-żieda fil-Prodott Gross Domestiku wara kriżi tad-dejn fit-tul u sitwazzjoni diffiċli fejn il-Greċja kellha titlob għal tliet bailouts fuq livell internazzjonali.
//= $special ?>