Sport Waterpolo

Mal-kwalifikazzjoni ta’ Malta, Jerome Gabarretta jasal għad-deċiżjoni li jirtira mit-tim nazzjonali

Artiklu: Stewart Said

Il-kwalifikazzjoni tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo għall-Kampjonat Ewropew fissret it-tmiem ta’ Jerome Gabarretta mat-tim nazzjonali. Gabarretta li għandu 33 sena, kien parti mill-iskwadra finali għall-grupp ta’ kwalifikazzjoni u anki niżżel ismu fost l-iskorers fil-logħba kontra l-Ukrajna.

Hu kien għamel id-debutt mat-tim nazzjonali 14-il sena u matul is-snin serva bħala pedina importanti speċjalment fis-centre. Tul l-erba’ kwalifikazzjonijiet preċedenti għall-Kampjonat Ewropew, Gabarretta pparteċipa fi tlieta minnhom.

Gabarretta skorja darba kontra l-Kroazja u t-Turkija fil-Kampjonat Ewropew fl-2016 f’Belgrad, darba kontra Spanja u Franza fil-Kampjonat Ewropew tal-2018 f’Barcelona u gowl kontra t-Turkija fil-Kampjonat Ewropew tal-2020 f’Budapest.

F’kuntatt li dan il-ġurnal għamel ma’ Gabarretta, il-plejer ta’ Sliema stqarr li kienet deċiżjoni diffiċli minħabba li rrappreżenta lill-pajjiżna għal numru ta’ snin. “Għalkemm m’hemmx raġuni waħda għaliex wasalt għal din id-deċiżjoni ħassejt li hu l-aħjar żmien. Hemm ċiklu ġdid ta’ plejers żgħażagħ ta’ talent li flimkien żgur li se jagħmlu lill-Maltin kburin.”

Fost il-mumenti memorabbli mat-tim nazzjonali, Gabarretta elenka l-ewwel tournament tiegħu mat-tim nazzjonali fil-Kampjonat Ewropew B f’Lugano fl-2009 kif ukoll fl-2015 meta kien parti mit-tim li kkwalifika għall-ewwel darba għall-Kampjonat Ewropew. “Memorabbli wkoll hi l-midalja tal-fidda fil-Logħob tal-Commonwealth.” B’din id-deċiżjoni, Jerome Gabarretta se jkun qed jiffoka l-aħħar snin tal-karriera ma’ Sliema.