Sorsi infurmati li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ Il-Mument b’rabta mal-protesta nazzjonali favur l-ambjent li saret fl-aħħar ta’ Mejju li għadda u li sussegwentement il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services (PBS) iċċensurat għalkollox id-diskorsi tas-Sindki tal-Gżira u tal-Qala, żvelaw magħna r-raġuni għaliex dawk iż-żewġ diskorsi ma kenux rapportati.
Żvelaw magħna li Norma Saliba, li uffiċjalment hi l-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services, regolament tikser il-Kodiċi ta’ Etika Interni għall-istess ġurnalisti tal-Public Broadcasting Services li, fost l-oħrajn, jagħmluha ċara li dawk kollha li jservu fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali m’għandhomx jagħmlu servizzi ta’ reklamar.
Jidher li Norma Saliba tħossha ’l fuq mill-kollegi tagħha sal-punt li hi regolarment tagħmel servizzi ta’ reklamar għall-Awtorità tal-Ippjanar. Dawn is-servizzi ta’ reklamar joħorġu regolarment waqt programmi mxandra fuq l-istess stazzjon nazzjonali.
Jiġifieri hawnhekk għandha sfaċċatament ksur tal-Kodiċi ta’ Etika Interni għall-ġurnalisti tal-Public Broadcasting Services u għal xi raġuni min suppost li jiġbed l-attenzjoni jew li jieħu passi biex dawn l-affarijiet ma jsirux, jagħżel li jagħlaq għajnejh it-tnejn… biex ma jdarrasx lil-istess Norma Saliba.
Imma issa nagħmlu pass ieħor… għaliex dakinhar tal-protesta nazzjonali favur l-ambjent l-istess Norma Saliba kienet hi xogħol u direttament responsabbli mill-Kamra tal-Aħbarijiet u kienet hi li meta ġie s-servizz quddiemha dwar l-istess protesta nazzjonali favur l-ambjent li għażlet li tiċċensura d-diskorsi tas-Sindki tal-Gżira u tal-Qala – ta’ Conrad Borg Manchè u ta’ Pawlu Buttigieg rispettivament – milli joħorġu fis-servizzi tal-bulettini tal-aħbarijiet.
Tajjeb li nfakkru li fid-diskorsi tagħhom kemm Conrad Borg Manchè u anki Pawlu Buttigieg kienu kritiċi ħafna għal dak li qed tagħmel l-Awtorità tal-Ippjanar li hi direttament involuta fit-tkissir u fl-isfreġji ambjentali li qed iseħħu madwarna.
Fid-diskorsi tagħhom Conrad Borg Manchè u Pawlu Buttigieg appellaw biex l-affarijiet ma jibqgħu kif inhuma għaliex finalment hu biss il-poplu Malti u Għawdxi li qiegħed ikollu jħallas prezz għoli ħafna għat-tkissir ambjentali li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tippermetti madwarna.
Is-sorsi infurmati li tkellmu magħna qalulna li naturalment dan it-ton iebes ta’ kritika minn Conrad Borg Manchè u minn Pawlu Buttigieg xejn ma niżel tajjeb ma’ Norma Saliba li tpappiha tajjeb ukoll mir-reklamar li hi tagħmel lill-Awtorità tal-Ippjanar… u għalhekk id-deċiżjoni li ma jsir l-ebda rapportaġġ fir-rigward tad-diskorsi li dawn iż-żewġ Sindki għamlu dakinhar tal-protesta nazzjonali favur l-ambjent.
Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument temmew jgħidulna li dan hu x-xenarju kollu li wassal biex dakinhar tal-protesta nazzjonali favur l-ambjent ma kenux rapportati dawn id-diskorsi… b’min imexxi l-Public Broadcasting Services, minkejja kull protesta li saret dwar din id-deċiżjoni abbużiva, baqa’ ċiċċi beqqi jistenna biss l-aħħar tax-xahar biex idaħħal il-paga li għandu. Inaċċettabbli.
Tajjeb li jingħad li tali deċiżjoni minn Norma Saliba wasslet biex iddarras anki nies bħall-Eks Ministru Evarist Bartolo li fuq il-midja soċjali u b’ton ironiku stqarr: “Jekk xi ħadd isib lis-Sindki tal-Gżira u tal-Qala għandu jinforma mill-ewwel lill-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS. L-aħħar li dehru kienu fil-protesta nazzjonali ‘Xebbajtuna’ tas-Sibt li għadda”
L-Eks Ministru Laburista Evarist Bartolo fuq il-midja soċjali qal li għal darba oħra l-Public Broadcasting Services qed ikun akkużat li xandar biss dak li qabillu; minflok kien imparzjali. Mur għidlu dakinhar x’kien il-mottiv dwar din iċ-ċensura sfaċċata!
Fil-fatt kull min segwa r-rappurtaġġ tal-Public Broadcasting Services dwar dik il-protesta nazzjonali lanqas biss ra l-interventi ta’ dawn iż-żewġ Sindki li indirizzaw il-protesta, għaliex fl-ebda ħin ma ssemma’ li dawn tkellmu.
Dan għaliex fi kliem semplici, il-kritika diretta tas-Sindki Laburisti lejn il-Gvern u l-Awtorità tal-Ippjanar kienet kompletament iċċensurata mix-Xandir Nazzjonali. U l-unika indikazzjoni li dawn iż-żewġ Sindki kienu preżenti hu filmat ta’ żewġ sekondi – f’servizz ta’ kważi żewġ minuti!
Barra minn hekk, waqt dan is-servizz, il-Public Broadcasting Services fl-ebda ħin ma ġab il-folla kollha li kienet preżenti għal din il-protesta; protesta li attendew għaliha eluf ta’ persuni. Iżda minflok huma ddeċidew li jġibu ftit nies mill-qrib biex tingħata l-perċezzjoni li għal din il-protesta ma kienx hemm wisq attendenza.
Bla dubju ta’ xejn li kull min għandu għal qalbu x-Xandir Nazzjonali, jirrimarka u josserva li dawn it-tip ta’ manuvri u manipulazzjonijiet juru biss kemmil-Public Broadcasting Services hu mmexxi bl-aktar mod dilettantesk.
Dan anki fil-perspettiva li hu Xandir Nazzjonali maħkum mill-Gvern ta’ Robert Abela u minn persuni b’interessi personali kif juri bl-aktar mod ċar dan il-każ.
Hu inaċċettabbli f’kull sens li żewġ Sindki jkunu ċċensurati għaliex riċentament l-Awtorità tal-Ippjanar kompliet tieħu aktar deċiżjonijiet żbaljati li qed jagħmlu ħsara diretta lill-ambjentali ta’ madwarna fid-diversi lokalitajiet tagħna… fosthom anki fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Tajjeb li nfakkru li fil-protesta nazzjonali kontra l-isfreġju ambjentali u l-kostruzzjoni bla rażan ħadu sehem tmien NGOs’ ambjentali li pprotestaw bil-messaġġ: ‘Xebbajtuna! Bidla fl-Ambjent u l-Ippjanar ISSA!’.
L-NGOs kienu Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, Nature Trust Malta-FEE, Għawdix, BirdLife Malta u Ramblers’ Association Malta li fil-protesta stqarrew li l-iskop ta’ din l-inizjattiva kien biss biex jitolbu għall-bidla urġenti fl-ambjent u fl-ippjanar.
F’dik il-protesta huma stiednu lill-gruppi mhux partiġġjani biex flimkien isemmgħu leħinhom favur l-ambjent.
“Ninsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza li qed thedded il-benesseri personali tagħna u l-ambjent ta’ madwarna minħabba ferneżija ta’ bini bl-addoċċ u kullimkien,” ilmentaw l-NGOs.
Huma sostnew li din ir-regħba ħakmet kull rokna ta’ Malta minn vilel u pixxini fil-kampanja għal torrijiet f’żoni kkonġestjonati filwaqt li issa anke Għawdex u Kemmuna se jisfgħu vittmi ta’ din ir-regħba.
L-NGOs wissew li dan kollu qed isarraf fi problemi ta’ saħħa fiżika u mentali għall-poplu kif ukoll se jkabbar il-problema taż-żgħażagħ li jixtiequ jitilqu minn Malta. “Dan kollu ma jiġix mix-xejn. Wara dan l-isfreġju ambjentali tinsab xibka magħmula minn politiċi u żviluppaturi li ħolqu sistema li sservi l-qligħ tal-ftit minflok il-ġid komuni,” żiedu jgħid l-NGOs.
Għaldaqstant, huma qed jitolbu għal tibdil fil-politika tal-ippjanar biex ma jiġix permess aktar bini f’art ODZ u jiġu skedati aktar binjiet storiċi filwaqt li titwettaq riforma radikali fl-istituzzjonijiet responsabbli mill-ambjent u l-ippjanar.
Talbu wkoll għall-bini ta’ mudell ekonomiku li jfittex kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd minflok tkabbir ekonomiku bla qies.
//= $special ?>