Robert Abela jibda proċess biex jipprova jindirizza l-problemi kbar li għandu fil-platt tiegħu, kemm dawk interni fil-Gvern u fil-Partit, kif ukoll dawk li ħoloq hu għax immatur.
Osservaturi politiċi li segwew mill-qrib il-kwistjoni sa mill-bidu tagħha tal-isforzi ta’ Robert Abela li jipprova jdaħħal l-abort fil-gżejjar Maltin, ikkuntattjati lbieraħ minn Il-Mument, qalu li dak li ġara nhar il-Ġimgħa li għadda juri biss tliet affarijiet … U-turn minn Robert Abela bl-iktar mod sfaċċat; it-turija tar-ras iebsa tiegħu li qatt u qatt ma messu daħal f’dan l-isqaq meta jaf li l-valuri u l-prinċipji tal-poplu Malti għandhom għeruq sodi favur il-ħajja; u l-immaturità politika għaliex qatt Robert Abela ma messu wasal sa dan l-imbarazzament bla bżonn.
Nhar il-Ġimgħa filgħodu d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, indirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar emendi importanti għall-Abbozz ta’ Liġi oriġinali maħsub biex idaħħal l-abort f’pajjiżna, biex hekk issa ta l-assigurazzjoni li l-abort ma jiddaħħalx f’pajjiżna. Ċara issa fl-emendi mressqa, li se jkun ikkwalifikat xi tfisser il-frażi “perikolu gravi għas-saħħa tal-omm” biex issa hu spjegat li l-perikolu gravi għas-saħħa tal-omm jirreferi direttament għal meta l-kundizzjoni tal-omm f’dak il-mument tat-tqala “titpoġġa f’riskju immedjat ta’ mewt”.
L-emendi mħabbra nhar il-Ġimgħa ntlaqgħu b’mod pożittiv minn kulħadd, inkluż mill-Knisja, mill-Partit Nazzjonalista, u minn dawk li fis-soċjetà ċivili jimmilitaw favur il-ħajja għaliex issa hu ċar u ta’ serħan il-moħħ li din l-emenda tfisser li t-tneħħija ta’ tarbija mill-ġuf tal-omm – l-abort – se jkun permess biss meta saħħet l-omm tkun fil-perikolu u l-omm tkun f’qagħda imminenti li tmut, jew li l-kundizzjoni tagħha tkun se tkompli taggrava b’tali mod li tista’ twassal għall-mewt.
Tajjeb li jingħad li oriġinarjament il-Knisja, il-Partit Nazzjonalista u dawk fis-soċjetà ċivili li jimmilitaw favur il-ħajja fix-xhur li għaddew kemm-il darba appellaw u ħeġġew lil Robert Abela biex ma jibqax għaddej u jirrombla bil-pjani tiegħu li akkost ta’ kollox idaħħal l-abort f’pajjiżna. Wissewh li l-Abbozz ta’ Liġi mressaq minnu seta’ jsirlu numru ta’ emendi importanti biex titħares tassew saħħet l-omm filwaqt li jkun garantit li l-benessere tat-tarbija fil-ġuf tal-omm ma jkunx mitmis.
Imma Robert Abela għadda l-Abbozz ta’ Liġi bl-intenzjoni li jdaħħal l-abort mill-Ewwel Qari u mit-Tieni Qari, u dawk kollha li segwew id-diskussjoni fil-Parlament jafu ben tajjeb il-linja riġida li ħadu Robert Abela u l-kelliema Laburisti favur li dak l-Abbozz ta’ Liġi infami u li jdaħħal l-abort f’pajjiżna, ikun introdott f’pajjiżna kif inhu.
Il-Partit Nazzjonalista ġewwa l-Parlament, u l-Knisja u s-soċjetà ċivili li timmilita favur il-ħajja, barra l-Parlament tkellmu bil-qawwa u mmilitaw bis-sħiħ, sa kienet organizzata wkoll protesta nazzjonali favur il-ħajja biex iwasslu messaġġ ċar lil Robert Abela li ma kellux jibqa’ għaddej b’dan l-Abbozz ta’ Liġi kif oriġinarjament imfassal filwaqt li staqsew x’kienu l-interessi u x’kienet l-aġenda ta’ Robert Abela li akkost ta’ kollox idaħħal l-abort f’pajjiżna.
Mifni bil-problemi interni ta’ tmexxija fuq livell ta’ Gvern u ta’ partit, u attakkat mill-fazzjonijiet tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u tad-Deputat Mexxej Chris Fearne – għax dawn qegħdin tajjeb jiġġieldu u jagħtu fil-konfront ta’ xulxin – issa Robert Abela qed jipprova jagħmel eżerċizzju ta’ damage control fil-konfront tiegħu.
Jaf li din il-kwistjoni tal-introduzzjoni tal-abort hi fost l-aktar li fix-xhur li għaddew għamlitlu ħsara politika, fejn kompla jitlef l-appoġġ anke internament fil-Partit Laburista. Kien għalhekk li fil-ġimgħat li għaddew imbarka fuq it-tfassil ta’ dawn l-emendi l-ġodda li jassiguraw li terminazzjoni ta’ tqala tkun permessa biss “wara li jkunu kkunsidrati l-prattiċi mediċi kurrenti f’Malta”. Issa l-emenda taħseb biex ikun it-tabib li jaġixxi immedjatament jekk l-omm tkun fil-perikolu imminenti li titlef ħajjitha, bħal f’każ meta l-omm tkun qed titlef ammont kbir ta’ demm.
L-emendi ta’ nhar il-Ġimgħa huma u-turn ta’ Robert Abela dgħajjef u bla direzzjoni sal-punt li t-tmexxija tiegħu mhux biss qed idejjaq lill-poplu Malti u Għawdxi, imma hi waħda ta’ perikolu għax ir-raġel bl-indifferenza tiegħu qed jonqos milli jkun leali lejn il-ġurament tal-ħatra. Kien għalhekk f’waqtu li l-Partit Nazzjonalista, il-Knisja u dawk kollha fis-soċjetà ċivili favur il-ħajja jirreaġixxu b’mod immedjat għall-emendi mħabbra l-Ġimgħa filgħodu u esprimew is-sodisfazzjoni li l-Gvern aċċetta li jibdel il-pożizzjoni tiegħu u r-ras iebsa biex jipprevali s-sens komun.
Kien għalhekk f’waqtu, f’dan ix-xenarju kollu, li l-Partit Nazzjonalista issa jesiġi li Robert Abela għandu jiddikjara li darba jkunu approvati fil-Parlament dawn l-emendi importanti li jassiguraw li pajjiżna jibqa’ ħieles mill-introduzzjoni tal-abort, li fil-futur ma jipprovax jagħmel xi emendi oħra għal-liġijiet ta’ pajjiżna u li bihom jerġa’ jipprova – allura indirettament – jintroduċi l-abort f’pajjiżna.
//= $special ?>