Internazzjonali

Wara l-irvell fir-Russja: Il-Kap tal-Wagner ‘kostrett għall-eżilju’ …Possibbiltà ta’ taqbida għall-poter f’Moska

It-tensjoni f’Moska wara l-inċidenti drammatiċi tas-Sibt baqgħet f’livell akut – ftit aktar minn 24 siegħa wara l-irvell tal-Armata tal-merċenarji bl-isem Wagner kontra l-Ogħla Tmexxija militari tar-Russja….Irvell li b’kaġun tiegħu, il-President Russu Vladimir Putin seta’ spiċċa f’sitwazzjoni ħafna aktar dgħajfa milli wieħed, xi darba, kien jistenna.

U waqt li r-Russja setgħet ħelsitha bi żbrixx minn gwerra ċivili, fl-aħħar sigħat sar magħruf li Yevgeny Prigozhin, il-Kap tal-Wagner, se jkun qed jgħix ‘prattikament f’eżilju’ f’zona tal-Belarus, li hu alleat kbir tar-Russja. Fil-fatt, il-ftehim għat-tmiem tal-irvell kien intlaħaq is-Sibt filgħaxija wara negozjati bejn Prigozhin innifsu l-President tal-Belarus Alexander Lukashenko.

Fil-verità, l-avvenimenti straordinarji tas-Sibt – fejn l-Armata ta’Prigozhin ħatfet għal żmien il-kontroll f’Rostov-on-Don minbarra li avvanzat sal-periferiji ta’ Moska – kienu interpretati bħala sfida bil-miftuh lill-President Putin li issa, skont l-esperti, ‘tilef l-arja ta’ persuna invinċibbli’.

Vladimir Putin fisser l-azzjonijiet ta’ Prigozhin bħala ‘tradiment fuq livell nazzjonali’ iżda hu ċert li Prigozhin – imlaqqam ‘ix-Chef ta’ Putin’ – u t-truppi tal-Wagner mhumiex se jinżammu taħt arrest fis-sigħat u l-jiem li ġejjin.

Is-sitwazzjoni fir-Russja fl-aħħar sigħat kienet qed tirritorna għan-normal wara li Prigozhin ħabbar l-irtirar tal-ġellieda tal-Wagner mil-limiti ta’ Moska – b’dawn anki jitilqu minn Rostov-on-Don li kienu damu jokkupawh għal sigħat sħaħ.Fl-istess ħin, l-uffiċjali f’Lipetsk, lejn in-nofsinar ta’ Moska, ukoll, fl-aħħar sigħat, irreferew għall-irtirar tal-ġellieda tal-Wagner  mill-inħawi.

Intant, ħadd ma’ sama’ xejn dwar ‘l-aħħar movimenti’ ta’ Yevgeny Prigozhin fost is-skiet fuq il-mezzi tas-social media li kien qed juża sa ftit qabel l-irvell..

Sadanittant, il-Kremlin ta’ Moska u l-Ministeru tad-Difiża tar-Russja issa qed jinsistu biex il-merċenarji ta’ Prigozhin jiffirmaw kuntratti uffiċjali mal-militar biex isiru parti mill-Armata regolari tal-pajjiż – u liema pass għandu jfisser effettivament it-tmiem tal-grupp Wagner.