Lokali

31 ftehim kollettiv fis-settur pubbliku li għalqu: il-Gvern ta’ Robert Abela jisraq id-drittijiet tal-ħaddiema – PN

Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu 31 ftehim kollettiv fis-settur pubbliku li għalqu, uħud minnhom li ilhom pendenti għal tliet snin u oħrajn li lanqas biss bdew diskussjonijiet dwarhom. Din l-informazzjoni kienet ikkonfermata minn Robert Abela nnifsu fil-Parlament, fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 9770.

Dan intqal mill-PN fi stqarrija maħruġa minn Ivan Castillo, Kelliem tax-Xogħol u Settur Maritimu

Għall-Partit Nazzjonalista, dan hu mod ieħor kif il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jirrifjuta li jżomm l-impenji u l-obbligi lejn il-ħaddiema tiegħu biex jagħtihom dak li ħaqqhom. Iżda fl-istess waqt, ma ssib l-ebda diffikultà biex iħallas l-eluf fix-xhar lil Kapijiet Eżekuttivi u persuni tal-qalba, kif ukoll €400 miljun għal xejn lil Steward u €8 miljuni aktar mill-prezz oriġinali għal windfarms fil-Montenegro.

Mhux talli l-Gvern ta’ Robert Abela ma jagħmel xejn biex lill-ħaddiema jnaqqsilhom id-diffikultajiet, iżda jagħmel bil-kontra u jżidomlhom.

Fi żmien fejn l-inugwaljanza fid-dħul bejn il-ħaddiema hi l-ogħla li qatt kienet, fejn l-għoli tal-ħajja qed tkompli tagħmel pressjoni fuq il-familji u fejn il-maġġoranza tal-ħaddiema jaqilgħu anqas mill-paga medja, Robert Abela jibqa’ jirrifjuta lill-ħaddiema tiegħu minn dak li ħaqqhom u li għandhom dritt għalih.

Dan il-Gvern qed ikompli jkun apatiku mal-ħaddiem, ikisser ir-relazzjonijiet sereni mal-unions u jġegħelhom jidħlu f’tilwim industrijali biex imexxu d-diskussjonijiet ’il quddiem u f’xi każi anke biex jibdew d-diskussjonijiet.

Wieħed mill-Ftehim Kollettiv li għalqu hu dak tal-Gozo Channel fejn, wara sentejn u nofs minn meta għalaq il-ftehim kollettiv, il-Gvern qed ikompli jkaxkar saqajh u jħalli lill-union tibqa’ tistenna dewmien ezaġerat biex tiġi lura b’kontroproposti. Dan issa ħoloq sitwazzjoni fejn l-union ma tħallietilha l-ebda għażla ħlief li toħroġ azzjoni industrijali aktar ħarxa. Minħabba dan, il-Gvern qed ipoġġi lill-ħaddiema u lill-pubbliku f’sitwazzjoni skomda u diffiċli mmens.

Ilbieraħ iċċelebrajna l-Jum Internazzjonali tal-Baħħara, fejn id-dinja marittima tiċċelebra x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema. Iżda l-Gvern ta’ Robert Abela jagħmel bil-kontra ta’ pajjiżi ohrajn u jfittex magħhom minflok ma jgħinhom.

Dawn il-ftehim kollettivi ma jaqgħux mis-sema u dan ikompli juri n-nuqqas ta’ viżjoni li għandu dan il-Gvern, kif ukoll li jiġi jaqa’ u jqum mill-interessi tal-ħaddiema tiegħu.

Għaldaqstant, filwaqt li juri solidarjetà sħiħa mal-ħaddiema u l-unions li qed isofru l-konsegwenzi ta’ Gvern bla ruħ soċjali, il-Partit Nazzjonalista se jara li mill-Gvern, iwettaq u jħares l-obbligi lejn il-ħaddiema tiegħu bl-aktar mod ġust u jagħti lill-ħaddiema dak li jixraqilhom fiż-żmien xieraq, kif ukoll jaghmel min kollox biex jiżgura relazzjonijiet industrijali sereni.