Lokali

“Bżonn li jsiru testijiet għad-droga fuq is-sewwieqa” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi illi wasal iż-żmien li jibdew isiru testijiet għad-drogi fuq is-sewwieqa biex fost l-oħrajn ikunu evitati inċidenti fatali tat-traffiku.

Filfatt din kienet waħda mill-proposti ewlenin li qed tressaq ‘il quddiem l-Istrateġija Nazzjonali li ġiet preżentata it-Tnejn – strateġija għall-għaxar snin li ġejjin, b’enfasi kbira li jkun hemm tolleranza zero għal dawk li jsuqu taħt l-influwenza tad-droga. Dan hekk kif fl-aħħar snin pajjiżna affaċċja żieda fin-numru ta’ persuni li jagħmlu użu minn sustanzi illeċiti.

Filfatt, investigazzjoni li saret mill-MaltaToday tefgħet dawl fuq is-sitwazzjoni reali tal-bejgħ tad-droga f’pajjiżna, fejn bħalissa l-iktar droga popolari fost iż-żgħażagħ huma l-kannabis, il-kokaina, l-ecstasy, l-eroina u anke droga sintetika ġdida. Għalkemm informazzjoni li kiseb Net News turi li skont it-trends tan-nies li jfittxu l-għajnuna, huwa ċar li hemm żieda fl-użu tal-kokaina u tnaqqis fl-użu tal-eroina. 

Eżerċizzju li sar mill-MaltaToday wera li f’pajjiżna sar iktar faċli li wieħed jakkwista sustanzi lleċiti fejn fost l-oħrajn jekk wieħed jasal sa Paceville, anke fid-dawl tax-xemx, jista’ jakkwista droga faċilment.

Il-Professur Richard Muscat, li ħadem fuq it-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali qal li wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa li saret, ħareġ b’mod ċar li l-pubbliku inġenerali huwa mħasseb ferm dwar is-sewqan taħt l-influwenza tad-droga.  Sar magħruf ukoll li hemm bżonn ta’ kampanja edukattiva iktar b’saħħitha f’dan ir-rigward filwaqt li kien hemm tħassib ukoll dwar l-użu ta’ sustanzi illeċiti fuq il-post tax-xogħol. 

Huwa fatt magħruf li f’dawn l-aħħar għaxar snin l-abbuż tad-droga żdied madwar id-dinja kollha, fosthom ukoll f’pajjiżna. Għalhekk ….huwa żied jgħid li din il-policy se tkun qed tkompri l-ispettru kollu ta’ dawk li jagħmlu użu mid-droga.

Fost azzjonijiet oħra li se jidħlu fis-seħħ hemm li  titnaqqas il-provvista ta’ sustanzi illeċiti li jaslu f’pajjiżna. Dan billi jkun hemm koordinament aħjar u iktar infurzar tal-liġijiet.  Se jkun hemm ukoll tisħiħ fit-taqsima tas-cybercrime sabiex ikun hemm iktar monitoraġġ tat-transazzjonijiet li jsiru fuq l-internet. 

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet kien aċċennat ukoll li r-realtà fl-użu tad-droga f’pajjiżna qed tinbidel b’mod inkwetanti u dan fost l-oħrajn minħabba l-introduzzjoni ta’ drogi sintetiċi. Kien enfasizzat anke l-bżonn li f’pajjiżna tinqata’ l-istigma li għadha teżisti fil-konfront tal-persuni li jkollhom il-vizzju tad-droga.

Intant, il-fatt li matul is-sena li għaddiet il-Pulizija sabet madwar 3,000 kilogramma ta’ kokaina, b’valur fis-suq ta’ €386 miljun, juri li l-pjaga tad-droga f’pajjiżna nfirxet b’mod allarmanti. U huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jisħaq li jkun hemm iktar ħidma u infurzar f’dan is-settur sabiex kemm jista’ jkun tiġi indirizzata din l-isfida li qed tkisser numru ta’ individwi u anke familji.