Internazzjonali

Il-Greċja: Il-poplu jħejji għal riformi wara r-rebħa ta’ Mitsotakis

Il-Mexxej tal-Konservattivi Griegi Kyriakos Mitsotakis insista li r-rebħa konvinċenti li kiseb fl-elezzjoni nazzjonali tal-Ħadd tagħtih mandat qawwi biex jgħaġġel bir-riformi pjanati – u meta l-Greċja qed tħares lejn il-bidliet sinifikanti matul ix-xhur li jmiss.

Mitsotakis rebaħ tieni mandat bħala Prim Ministru Grieg wara li l-Partit tiegħu għal Demokrazija Ġdida għadda lill-Partit Soċjalista (Syriza) ta’ Alexis Tsipras bi kważi 23 punt perċentwali ( u fejn kiseb 41 fil-mija tal-vot nazzjonali).

Il-vot kien it-tieni wieħed f’xahrejn fil-Greċja u Mitsotakis – li sigħat ilu ħa l-ġurament mill-ġdid bħala Prim Ministru – qal li l-Konservattivi tiegħu issa huma l-aktar partit taċ-ċentru-lemin b’saħħtu fl-Ewropa kollha.

L-elettorat Grieg iddeċieda li jafda lil Mitsotakis b’aktar snin ta’ tmexxija wara li hu wiegħed tnaqqis fit-taxxa u riformi notevoli u effettivi fil-qasam tas-saħħa pubblika. U issa, Mitsotakis qed jgħid li r-riformi pjanati għandhom isiru mill-aktar fis waqt li l-Gvern tiegħu jikkonsolida wkoll l-istabbilità ekonomika.

Fl-aħħar żviluppi, Alexis Tsipras ċaħad li se jirriżenja b’effett tad-disfatta – bl-elezzjoni tal-Ħadd tirriżulta wkoll f’suċċess għall-Partit ġdid tal-Ispartani magħmul mill-estremisti tal-lemin u li ilu biss iffurmat għal xahar.

Dan il-partit rebaħ kważi 4.7 fil-mija tal-vot biex qabeż it-threshold tat-tlieta fil-mija għal rappreżentanza fil-Parlament.