Appell biex il-koperattivi jingħataw aktar appoġġ mill-awtoritajiet
Hekk kif nhar is-Sibt l-1 ta’ Lulju jitfakkar il-jum dinji iddedikat għall-Koperattivi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar waħda mill-koperattivi ewlenin f’Malta – il-koperattiva Recoop li tinsab fl-Imrieħel.
Il-Kap tal-PN intlaqa’ minn diversi ħaddiema kif ukoll mid-direttur maniġerjali tal-koperattiva Paul Muscat, fejn hemmhekk seta’ jifhem aħjar l-importanża u l-isfidi li jaffaċjaw il-koperattivi f’Malta.
Il-koperattiva Recoop tispeċjalizza fuq restawr kemm fuq fine arts kif ukoll fuq proġetti arkitettoniċi li ħafna minnhom huma possibli grazzi għall-fondi mill-Unjoni Ewropea.
“Bla dubju huwa ta’ importanża straordinarja li nifhmu li f’Malta nistgħu napplikaw mudelli differenti anka bħala parti mill-mudell ekonomiku. Għalina il-koperattivi huma waħda minn dawk l-għoddod illi l-ħaddiema u l-professjonista Maltin b’ħiliet differenti iżda b’għan wieħed, jistgħu joħolqu l-possibiltà mhux biss li huma jkollhom proġett ekonomiku tagħhom imma li jkollhom biżejjed ħaddiema u jkunu parti mill-ekonomija tal-pajjiż. Għalina l-koperattivi jirapprezentaw opportunità li fiha l-ħaddiem jista jagħraf li jkollu parti essenjali mill-qliegħ u jkun jista’ jwettaq l-ideat u l-ħolm tiegħu filwaqt illi jkun jista’ jkabbar anke l-oprat tiegħu għax ikun parti essenjzjali mill-intrapriża,” qal Bernard Grech.
Bernard Grech qal li l-isfidi għall-koperattivi qegħdin dejjem jinbidlu u għalhekk huwa tajjeb li jsiru laqgħat bħal dawn b’mod regolari.
Waqt din iz-zjara, Net News tkellem mad-direttur maniġerjali Paul Muscat – li huwa konservatur – fejn spjegalna li l-mudell koperattiv huwa ezempju b’saħħtu ta’ kif persuni b’ħiliet diffferenti jingħaqdu flimkien b’għan wieħed komuni; li jmexxu ‘l quddiem l-intrapriża tagħhom.
“Waħda mill-akbar sfidi li il-koperattivi għandhom huwa in-nuqqas ta’ għarfien minn nies ta’ barra dwar x’inhi koperrativa. Koperattiva hija mudell differenti minn dak ta’ kumpanija pero jaħdem bl-istess għan. L-unika ħaġa differenti hi li aħna għandna għan kemmxejn izjed soċjali u hemm seba’ pilastri fejn kull deċizzjoni li nieħdu hija bbażatta fuq dawn il-pilastri. Ovvjament l-irwol tagħna hu li nedukaw in-nies u li nippruvaw inxxandru dan il-mudell,” saħaq Paul Muscat.
Paul Muscat qalilna li l-koperattiva Recoop ħadmet fuq diversi proġetti kbar arkittetoniċi li jinkludu r-restawr tal-fortifikazzjoni taċ-Ċitadella, tal-Mdina, tal-Birgu kif ukoll tal-Belt Valletta.
Apparti dawn, Recoop ħadmet fuq proġetti oħra li jinkludu restawr fuq pitturi; bħat-titular ta’ San Lawrenz li jinsab fil-Knisja tal-Birgu – Xogħol tal-artist Taljan Mattia Pretti. U preżentament, għaddejin bir-restawr fuq it-titular ta’ Santa Maria tal-Mosta magħmul mill-artist Malti Stefano Erardi u bir-restawr fuq it-titular ta’ San Annard ta’ Ħal Kirkop.
“Aħna bħala koperattiva din is-sena nagħlqu 20 sena. Meta bdejna iddeċidejna li ningħaqdu flimkien biex nagħtu servizz holistiku lill-klijenti tagħna. Bħala servizz nagħmlu restawr fuq fine arts (pitturi), restawr fuq il-ġebla, restawr arkittetoniku, kif ukoll restawr fuq l-injam permezz ta’ nies speċċjalizzati li jaħdmu f’oqsma differenti. ”
Paul Muscat spejagalna li il-koperattiva Recoop ibbenifikat sew minn fondi Ewropej tul l-aħħar 20 sena u filfatt 90 fil-mija tal-proġetti ta’ restawr huma ffinanżjati mill-Unjoni Ewropea. Għalkemm xorta sar appell qawwi sabiex ikun hemm appoġġ akbar mill-awtoritajiet.
Waqt din iż-żjara, il-Kap tal-PN Bernard Grech kien akkumpanjat mid-deputat tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għas-self employed u intrapriżi z-zgħar Robert Cutajar u id-deputat tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għall-ippjanar Stanley Zammit, flimkien mal-membri tal-Forum tal-SMEs tal-PN Julian Galea u Ludwig Cauchi.
//= $special ?>