Il-Kap tal-grupp tal-merċenarji Wagner qal li hu wettaq l-irvell ta’ nhar is-Sibt fir-Russja għaliex ried iżomm lill-mexxejja militari tal-Kremlin ‘responsabbli’ u ‘kontabbli’ għall-iżbalji u d-disfatti tagħhom matul il-Gwerra tal-Ukrajna.
Waqt li qed tkompli l-ispekulazzjoni dwar Yevgeny Prigozhin — li fi tmiem il-ġimgħa kien mgħajjar ‘traditur’ mill-President tar-Russja, Vladimir Putin — il-Kap tal-Wagner, issa, ħareġ rekording ta’ ħdax-il minuta biex jitkellem dwar l-avvanzi inizjali mill-merċenarji tal-Wagner waqt li t-Tmexxija fil-Kremlin kienet qed tidher f’xifer ta’ kroll.
Intant, Prigozhin ċaħad li l-avvanzi tal-merċenarji tiegħu lejn Moska — azzjoni li hu fisser bħala ‘il-marċ għall-ġustizzja’ — kienu intiżi biex iwaqqgħu l-Gvern ta’ Putin.
L-istess Prigozhin fi tmiem il-ġimgħa qabel li jitlaq lejn il-Belarus wara li kien ħareġ direttivi biex il-merċenarji jirritornaw lejn il-bażijiet tagħhom minlfok ikomplu bl-avvanzi fuq Moska. Madankollu ħadd għadu ma jaf il-lokalità eżatta tal-Kap tal-Wagner, bl-osservaturi barranin ma jeskludux li hu jista’ ikun ‘immarkat għall-mewt’ minkejja li l-Kremlin — u Putin — sostnew li mhumiex se jittieħdu passi fil-konfront tal-merċenarji.
Dan ukoll meta l-Gvern Russu qal li l-irvell tas-Sibt kien sfida kbira għall-istabbilità tar-Russja, fost is-sejħiet biex il-poplu ‘jibqa’ magħqud wara Vladimir Putin.’
Min-naħa tagħhom, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti qed jgħidu li l-irvell ta’ Prigozhin kien sfida diretta lill-awtorità ta’ Putin u li ħallih ‘ħafna aktar vulnerabbli minn qatt qabel’. Dan waqt li l-iżviluppi tas-Sibt anki rrinfurzaw l-idea li Putin ‘mhux daqstant invinċibbli’ minkejja li ilu jmexxi lir-Russja mill-2000 …L-aktar dittatur Russu li qatt dam fil-poter miż-żmenijiet tad-dittatur Sovjetiku Joseph Stalin, li kien miet fl-1953.
//= $special ?>