L-Uffiċjali mal-Gwardjani tal-Kosta tal-Istati Uniti bdew investigazzjoni dwar il-fatturi li wasslu għall-isplużjoni, il-ġimgħa l-oħra, tas-sottomarin Titan waqt li kien qed javviċina s-sit fejn għereq il-bastiment tal-passiġġieri Titanic, fl-1912.
Il-Kaptan Jason Neubauer, l-investigatur ewlieni, qal li l-priorità tal-investigazzjoni tinvolvi l-irkuprar tal-fdalijiet tas-sottomarin Titan li kien proprjetà tal-kumpannija Oceangate. L-iskwadri involuti se jkunu anki qed jieħdu l-prekawzjonijiet f’każ li jinstabu l-fdalijiet tal-ħames persuni abbord.
L-investigazzjoni anki se tkun tista’ tirrakkmanda li jitressqu l-akkużi kriminali jew fuq bażi ċivili f’każ li jinstabu l-provi ta’ negliġenza jew aġir inaċċettabli li seta’ wassal għat-traġedja.
Is-sottomarin Titan sploda taħt l-Oċean Atlantiku fit-18 ta’ Ġunju u meta mifhum li mietu mal-ewwel il-ħames persuni (turisti) abbord . L-investigazzjoni, issa, se tipprova tistabbilixxi x’wassal għad-diżastru filwaqt li mistennija wkoll ir-rakkmandazzjonijiet biex ma jseħħux traġedji simili fil-futur.
L-investigazzjoni anki qed titmexxa flimkien mal-awtoritajiet tal-Kanada, ir-Renju Unit u Franza u meta għalissa għadha fil-fażi inizjali – fost l-isforzi biex il-fdalijiet tat-Titan jittellgħu mill-oċean.
Mistenni li l-investigazzjoni twassal għal regoli aktar effettivi fir-rigward tal-vjaġġi taħt il-baħar minbarra kriterji ġodda għall-ħarsien tas-sigurtà tan-nies fuq l-hekk-imsejħa ‘submersibles’, iżda wieħed irid jistenna għat-tul taż-żmien sakemm dawn ikunu implimentati.
//= $special ?>