Lokali

Jeħtieġ tisħiħ serju fir-risorżi u l-għarfien dwar id-droga f’pajjiżna – PN

Fil-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu li jibqa’ jkun ta’ xprun fil-pajjiż biex il-Gvern ta’ Robert Abela jinża mill-politika ta’ xejn mhu xejn fil-qasam tad-droga. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li mill-aktar fis għandha tissaħħaħ il-ħidma biex tonqos is-saħħa lit-traffikanti tad-droga f’pajjiżna u fl-istess waqt il-Gvern jinvesti aktar fondi fl-edukazzjoni u t-tagħrif kontra l-abbuż u t-traffikar tad-droga.

Dan intqal mill-PN, fi stqarrija maħruġa mid-deputat David Agius.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li s-soċjetà Maltija trid tibqa tilqa’ fi ħdanha lill-persuni li kienu qed xi darba vittmi tad-droga u li, wara l-kura meħtieġa, ħarġu mill-vizzju. Dan irid isir ukoll billi naraw li ma jkunx hawn waiting list għal min irid jieħu l-kura biex jieqaf mill-abbuż u t-teħid tad-droga.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem u jirringrazzja lil dawk kolla li jaħdmu f’dan l-qasam fosthom CARITAS Malta, Fondazzjoni OASI u l-Aġenzija SEDQA u jħeġġeġ lill-Gvern ta’ Robert Abela biex jisma’ minn dawn l-esperti fil-ġlieda kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu jkun hemm dejjem l-opportunità sabiex il-professjonisti u oħrajn li jaħdmu f’din il-ħidma kontra l-abbuż mid-droga. Dan jista’ jsir billi jkun hemm tisħiħ anki biex ikomplu l-istudji tagħhom u jkomplu dejjem jaġġornaw l-għodda u l-prattika tax-xogħol tagħhom, ikun hemm aktar ħidma edukattiva u preventiva, tisħiħ fil-proċessi fil-Qrati tal-Ġustizzja, u jkun hemm aktar għajnuniet u programmi rijabilitattivi.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ biex l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis tingħata l-finanzi u l-appoġġ kollu neċċessarju biex tkun tista’ taħdem b’mod effettiv f’pajjiżna kontra l-ħsara li l-kannabis u drogi oħra ser iħallu fuq is-soċjetà Maltija. L-istess għandu jsir mal-Korp tal-Pulizija biex l-iskwadra tal-Omiċidji u d-Drogi jingħataw l-għodda kolla neċessarja biex jikkumbattu b’mod mill-aktar professjonali kontra l-kriminali li jxerrdu d-droga f’pajjiżna. Wasal ż-żmien li f’pajjiżna jibdew isiru testijiet fuq is-sewwieqa għad-drogi biex fost oħrajn ikunu evitati inċidenti serji tat-traffiku.

Il-fatt li matul is-sena li għaddiet il-Pulizija sabet madwar 3,000 kilogramma ta’ kokaina, b’valur ta’ €386 miljun juri li l-pjaga tad-droga f’pajjiżna nfirxet b’mod allarmanti. Illum aktar minn qatt qabel, din l-isfida qed tkisser numru ta’ familji u individwi. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed u ser jkompli jipparteċipa fil-Kumitat Parlamentari għall-Politika Soċjali biex tiġi emendata “Il-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga f’pajjiżna” għax ma jistax ikun li pajjiżna jibqa’ ċass quddiem traġedji li qed jifnu tant nies.