Lokali

Jibqgħu ma jikkommettux ruħhom li jivvutaw favur il-liġi li qed jipproponi l-PN

Ħafna kliem sabiħ. Iżda meta wieħed janalizza sew dak li jkun intqal…jinduna li mill-kliem għall-fatti hemm baħar jikkumbatti.

Il-Partit Laburista qed jgħid li jrid isaħħaħ is-settur ambjentali ta’ pajjiżna; iżda fil-prattikka mhux qed juri appoġġ għall-emenda li se ddaħħal l-ambjent bħala dritt fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna – pass li se jgħolli l-ambjent fuq livell ogħla, u l-ambjent ikun dritt fundamentali tal-bniedem.

It-Tnejn, f’konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Partit Laburista, il-President tal-Labour Ramona Attard qalet li l-partit li tirrappreżenta irid isaħħaħ il-qasam ambjentali ta’ pajjiżna – iżda fl-ebda ħin ma wieġbet jekk hux se jivvutaw favur il-liġi importanti li qed jipproponi l-PN.

Peress li bqajna mingħajr tweġiba, Net News għamel tentattiv ieħor – imma kellna biss skiet totali.

Jekk tgħaddi l-emenda kif qed jipproponiha l-PN…ikun ifisser li kull ċittadin Malti u Għawdxi jkollu l-jedd li la darba jaħseb li jkun qiegħed jinkisirlu d-drittijiet fundamentali għal ambjent nadif u san….ikollu jwieġeb l-istat – ikun min ikun fil-Gvern – skont kif tippermetti l-liġi. Dan se jagħti wkoll saħħa lill-għaqdiet li jaħdmu favur l-ambjent, kif ukoll individwi li l-ambjent hu ferm għal qalbhom.