Lokali Qorti

Jordan Azzopardi mixli bi vjolenza domestika fil-konfront tas-sieħba tiegħu u li allegatament qalilha – “b’sempliċi ‘€20 aċidu wiċċek jitqaxxar”

L-allegat traffikant tad-droga Jordan Azzopardi reġa’ spiċċa l-Qorti wara li t-tfajla tiegħu rrappurtat tmiem il-ġimgħa ta’ vjolenza domestika fil-konfront tagħha. Azzopardi ta’ 33 sena kien arrestat ftit inqas minn sena ilu wara ‘car chase’ tal-pulizija fil-Madliena fejn spiċċa ngħata l-libertà proviżorja ftit xhur wara.

It-tfajla tiegħu li kienet ukoll tressqet il-Qorti fejn kien ordnat li isimha ma jixxandarx minħabba uliedha taħt l-eta rrikorriet għat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika nhar il-Ħadd meta rrapportat li kien heddidha billi jitfagħha minn gallarija tad-dar tiegħu u bbumbarddjaha permezz ta’ ‘voice messages’ deskritti “tal-biża” meta telqet minn miegħu.

Milli jidher, kollox beda minn argument meta qaltlu li mhux se “tnaddaf footprints maħmuġin,” qalet l-ispettur tal-prosekuzzjoni Audrey Micallef. L-argument eskala tant li l-akkużat allegatament heddidha li jwaddabha minn gallarija tad-dar tiegħu tas-Swieqi, filwaqt li ħareġ ukoll sikkina.

Il-vittma, omm ta’ ħamest itfal, ħarġet, qattgħet il-lejl fil-karozza tagħha. Bejn is-1am u l-11.45am irċeviet xi 16-il ‘voice message’ mingħand Azzopardi, b’“theddid tal-biża’”. “Kulma ma jiswa hu €20 ta’ aċidu biex jitqaxxarlek wiċċek, is- sider. eċċ” kienet waħda mit-theddid.

“Din id-darba se tkun waħda kbira,” allegatament hu qalilha. It-theddid ġie estiż ukoll għat-tfal tal-mara, li ħadd minnhom mhuma tal-akkużat jew li qed jieħu ħsiebhom. Huwa allegatament hedded ukoll li jibgħat filmati intimi tal-vittma lil uliedha “biex ikunu imbarazzati ħafna meta jmorru l-iskola”. Saħansitra tella’ filmati bħal dawn fuq iċ-chat tat-Telegram tiegħu mingħajr il-kunsens tat-tfajla tiegħu, spjegat l-ispettur.

Il-mara ndarbet f’inċident separat bejn il-koppja f’Marzu, żiedet tgħid l-ispettur. Il-Ħadd fis-6.55pm, Azzopardi ġie arrestat fid-dar tiegħu, u wara li nqrawlu d-drittijiet legali tiegħu ġie skortat lejn il-kwartieri ġenerali tal-pulizija.

Wara li kkonsulta lill-avukat tiegħu, ġie interrogat, u għażel id-dritt tiegħu li jibqa’ sieket. It-Tnejn wara nofsinhar ġie akkużat li insulenta u hedded lit-tfajla tiegħu, li kkaġunaha biża’ mill-vjolenza, li ppubblika filmati intimi mingħajr il-kunsens tagħha, li kkawżalha feriti gravi kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest preċedenti u li sar reċidiv.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi mijubin kontrih. Minħabba n-natura tal-akkużi, il-kumplament tas-seduta kompliet tinstema’ bil-magħluq, wara li l-avukat tal-vittma informa lill-qorti li hi kienet lesta tixhed immedjatament.

Azzopardi ngħata l-libertà proviżorja taħt numru ta’ kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €500, garanzija personali ta’ €5,000 u li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Charles Mercieca kienu l-avukati difensuri ta’ Jordan Azzopardi. L-avukat Matthew Xuereb assista lill-vittma.