Lokali

AĠĠORNATA: Tibda l-isfida ta’ Neil Agius minn Mallorca sa Ibiza

Dalgħodu bdiet uffiċjalment l-isfida tal-atleta Neil Agius illi jinsab f’nofs ta’ baħar għaddej b’għawma minn Mallorca sa Ibiza sabiex jipprova jikser rekord dinji u joħloq għarfien dwar il-problema tat-tniġġis u s-sustanzi li jniġġsu fl-ibħra u l-oċeani.

Fil-filmati mxandra fuq il-media soċjali, Neil Agius deher kalm u konċentrat qabel ħalla l-bajja ramlija ta’ Mallorca minn fejn beda din l-isfida – eżatt malli daqqu d-9am.

“Ejjew niktbu l-istorja”, kienu l-aħħar kliem li lissen l-atleta Malti qabel beda din l-isfida; fost l-appoġġ tat-tim kollu li kien qed jakkumpanjah.

F’din l-isfida, Agius se jkun qed jgħum distanza ta’ 100 mil sal-gżira ta’ Ibiza – għawma li mistennija li tieħu tliet ijiem.

Neil Agius u t-tim tiegħu ħallew il-gzejjer Maltin u qabdu triqithom lejn Spanja erbat ijiem ilu hekk kif kellhom konferma li t-temp kien se jippermetti għal din l-isfida.

Madankollu, Agius flimkien mat-team tiegħu kellhom ibidlu l-pjan oriġinali peress illi skont ir-rapporti meterologiċi  maltemp qawwi kien mistenni li jolqot parti mir-rotta li kienu pjanaw.

Dan kollu ma’ qatax qalb Neil Agius bil-għan li jkompi jqajjem kuxjenza għall-inizjattiva tiegħu, Wave of Change, u jiġi implimentaw kif suppost it-Trattat tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Ibħra Miftuħa li jistabilixxi l-għodod neċċessarji sabiex jikkonservaw u jimmaniġġjaw b’mod sostenibbli l-ibħra miftuħa.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, bħalissa hawn madwar wieħed fil-mija biss tal-ibħra miftuħa illi huma protetti.

Neil Agius diġa’ kiseb rekord dinji meta għamel għawma ta’ 125km minn Linosa għax-Xlendi f’50 siegħa f’Ġunju tal-2021.

Intant, fost dawk li awguraw lil Neil Agius għal din l-isfida kien hemm il-Kap tal-PN Bernard Grech, illi stqarr li Agius hu ta’ ispirazzjoni għalina lkoll, fejn grazzi għalih qed jiżdied l-għarfien għall-protezzjoni tal-ambjent, inkluż dak marittimu.