Żewġt irġiel li ntlemħu s-Sibt ġewwa karozza li kienet rappurtata misruqa iljieli qabel inżammu arrestati wara li tressqu l-Qortimt-Tnejn. Wayne Catania ta’ 32 sena u Keith Bonello ta’ 43 sena, it-tnejn bla xogħol, wieġbu mhux ħatja li għenu terza persuna mhux identifikata fis-serq tal-vettura, xjentement irċevew il-karozza misruqa kif ukoll pussess illegali ta’ eroina u sustanzi psikotropiċi.
Catania ġie akkużat separatament li saq il-karozza mingħajr liċenzja u kopertura tal-assigurazzjoni kif ukoll li injora s-sinjal tal- ‘one way’. It-tnejn ġew akkużati li saru reċidivi. L-Ispettur Andrew Agius Bonello spjega li kollox beda fit-22 ta’ Ġunju meta l-pulizija rċeviet informazzjoni dwar vann li kien irrappurtat misruq il-ġurnata ta’ qabel.
Ġewwa dak il-vann kien hemm ċavetta ta’ mudell Smart Fortwo li sussegwentement insteraq ukoll.
Is-Sibt, uffiċjali ta’ Rapid Intervention li kienu għaddejjin mill-Marsa lemħu l-vettura Smart. Żewġt irġiel kienu ġewwa l-karozza.
Waqt l-akkuża, iż-żewġt irġiel kienu assistiti mill-avukat tal-għajnuna legali Yanika Bugeja li infurmat lill-qorti li meta l-każ ikompli, ikun aħjar li xi wieħed mill-akkużati jkun assistit minn avukat differenti. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, għamlet ‘ minuta’ ta’ dik it-talba kif xieraq biex l-Aġenzija għall-Għajnuna Legali tieħu nota.
Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest fir-rigward ta’ Bonello fid-dawl tal-fatt li bħalissa kien bla residenza. Fir-rigward ta’ Catania, il-Ħadd kien tkellem ma’ ommu u kellu indirizz fiss, qalet l-avukat. L-imputat innifsu spjega li ommu minn qalbha kienet lesta li tieħdu magħha sakemm ma jaqlax inkwiet.
Ommu jkollha bżonn tikkonferma dan pemezz ta’ ġurament, osservat il-qorti. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba, filwaqt li rrimarkat li nhar il-Ħadd l-akkużat kien qal lill-pulizija li ommu ma rieditx taf bih.
It-talba baqgħet pendenti sakemm kellha tixhed omm l-akkużat. L-Ispetturi Andrew Agius Bonello u Ritianne Gauci mexxew il-prosekuzzjoni L-Avukat Yanika Bugeja kienet avukat tal-għajnuna legali.
Żewġt irġiel misjuba f’karozza misruqa jinżammu taħt arrest
