Ħames persuni temmew b’suċċess programm ta’ 14-il-xahar ta’ riabilitazzjoni mid-droga; programm li sar fil-Komunità Santa Marija immexxija mis-Sedqa.
Dawn il-ħames persuni ġew rikonoxxuti f’ċerimonja ta’ gradwazzjoni illi saret fil-Jum Dinji kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar tad-Droga, preseduta mill-President ta’ Malta George Vella.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President qal li issa li temmew l-vjaġġ tagħhom tar-riabilitazzjoni, għal dawn l-individwi se jibda vjaġġ ieħor barra. U għalhekk, ħeġġiġhom biex huma iżommu f’moħħhom it-tbatija li huma għaddew minnha sabiex waslu s’hawn, u jħalluha tgħinhom biex huma jilħqu dak li jixtiequ.
Il-President Vella qal li is-soċjetà trid turi iżjed empatija, u trid tapprezza li l-ħajja toffri sfidi lil kulħadd. Hu stqarr li “soċjetà li taf tagħder u tħenn hija tassew il-pedament ta’ kull suċċess li pajjiż jista’ jikseb” – dan meta għamel referenza għall-istrutturi leġiżlattivi u amministrattivi li jgħinu sabiex jinxtered l-għarfien dwar id-dipendenzi, u kif persuna fil-bżonn tikseb l-għajnuna f’qasir żmien.
Filwaqt li sellem lill-Aġenzija Sedqa u l-professjonisti kollha li jaħdmu fil-Komunità Santa Marija, il-President George Vella nnota li dan l-programm jibqa’ joffri kura u appoġġ lil-gradwati anke meta jtemmu b’suċċess il-programm ta’ riabilitazzjoni.
Il-President George Vella feraħ lil dawn il-ħames persuni għall-kuraġġ, reżiljena u suċċess li huma wrew sabiex għamlu dan il-pass ‘il quddiem biex huma jegħlbu l-vizzju tad-droga.
//= $special ?>