Futbol Sport

Iċ-Champions Ħamrun Spartans jibdew jiddefendu t-titlu kontra Balzan

(Ritratt: Joseph Galea)

Aktar kmieni llum, fis-Centenary Hall, Ta’ Qali sar magħruf l-ewwel programm ta’ logħob tal-Kampjonat BOV Premier staġun 2023/24, li se jkun qed jibda fis-16 ta’ Settembru.

L-aħħar logħba tal-Kampjonat mistennija tintlagħab fl-4 ta’ Mejju sakemm ma’ jkunx hemm bżonn ta’ xi decider.

Iċ-Champions Ħamrun Spartans se jkunu qed jibdew id-difiża tat-titlu kontra Balzan filwaqt li n-neo-promossi Sliema Wanderers u Naxxar Lions jibdew l-esperjenza tagħhom fil-Kampjonat Premier kontra Birkirkara u Marsaxlokk rispettivament.

Minħabba li mill-istaġun li ġej, l-għola diviżjoni se tkun magħmula minn 12-il tim, dan l-istaġun se jkunu qed jiġu relegati 4 timijiet u jitilgħu 2 miċ-Challenge League.

Għal kuntrarju tas-snin preċedenti, il-play-off bejn it-tim li jispiċċa fil-pożizzjoni ta’ qabel ir-relegazzjoni fil-Premier u dak li jiġi fit-tielet post fiċ-Challenge League mhux se tkun qed issir.

L-ewwel round ta’ partiti se jkunu hekk:

Birkirkara vs Sliema Wanderers
Santa Lucia vs Floriana
Valletta vs Sirens
Gżira United vs Hibernians
Mosta vs Gudja United
Ħamrun Spartans vs Balzan
Marsaxlokk vs Naxxar Lions