Minkejja li jgħid li hu l-partit tax-Xogħol u li qed jaħdem għat-tkabbir ekonomiku, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jiżvija l-intelliġenza tal-poplu. Studju riċenti ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juri xenarju skoraġġanti u differenti minn dak li qed jgħid il-Ministeru tal-Politika Soċjali.
Filwaqt li l-Gvern ta’ Robert Abela jgħid li hemm tnaqqis ta’ 4.5% fin-numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali mill-2013, ir-realtà hi differenti. Għax fil-verità, il-fatti u l-istudji juru li:
- 100,000 persuna f’Malta, jew wieħed minn kull ħames individwi, qed jgħixu taħt it-theddida kostanti tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali;
- wieħed minn kull tliet anzjani jinsab f’riskju li jaffaċċja realtajiet ħorox;
- bnedmin fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali baqgħu staġnati matul is-snin, iddawru għal madwar 20.1% fl-2022 meta mqabbla mad-19.4% fl-2017, bis-sitwazzjoni għall-anzjani marret għall-agħar;
- 42% ta’ dawk li għandhom aktar minn 65 sena li jsibu ruħhom f’din iċ-ċirkostanza sfortunata jiffaċċjaw ir-riskju imminenti li jaqgħu taħt il-linja tal-faqar, biż-żieda tammonta għal kważi 7% mis-sena ta’ qabel;
- 43% tad-djar b’ġenitur wieħed jinsabu maqbudin fl-istess ċiklu ta’ tbatija;
- 11% tal-individwi huma mċaħħda mill-opportunitàjiet li jipparteċipaw b’mod regolari f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni;
- 50,000 persuna tgħix f’familja li għandha nuqqasijiet soċjali u materjali;
- 6.7% tat-tfal Maltin li għandhom anqas minn 16-il sena huma mċaħħdin minn bżonnijiet bażiċi u ċerti servizzi soċjali;
- is-sitwazzjoni tal-affordabbiltà tal-ispejjeż bażiċi tal-għajxien tibqa’ ħażina.
Dan kollu jirrifletti falliment evidenti tal-Gvern ta’ Robert Abela. U rapporti ppubblikati ta’ kuljum fil-ġurnali lokali juru kif, aktar ma jgħaddi ż-żmien, is-sitwazzjoni aktar qed tkompli tiggrava għal ħafna individwi u familji.
Il-Partit Nazzjonalista itenni l-ħtieġa li l-Istat jgħin biex ma nibqgħux naraw mijiet ta’ Maltin u Għawdxin li jgħixu barra, f’tinda jew f’xi sit tal-kostruzzjoni bl-impjieg ewlieni tiegħu jkun part-time biss.
Wieħed jinnota t-tħassib ta’ min jaħdem mill-qrib ma’ min hu fil-bżonn, bħal dak is-saċerdot li ma’ ġurnal lokali spjega kif qatt qabel ma kien iltaqa’ ma’ dan ix-xenarju, fejn fl-aħħar Milied filgħodu sab fis-Sagristija tfajjel ta’ 12 il-sena jittallab l-ikel għal nofsinhar, għalih u għal familtu. Jew dak l-għalliem li kien ikkwotat li jaf ammont ta’ studenti li fil-break imorru t-toilet minħabba li ma jkollhomx x’ jieklu u jippruvaw jaħbu dan minn sħabhom.
Il-Partit Nazzjonalista jinkwieta kif, minflok ma jipprova jindirizza dawn is-sitwazzjoni, il-Gvern ta’ Robert Abela jipprova jaħbihom jew ikompli jippreżenta miżuri li ma jkunux biżżejjed. Miżuri li qishom dik il-kutra li tgħattilek biss sa rkopptejk.
Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista jkompli jimpenja ruħu billi jippreżenta s-soluzzjonijiet li jindirizzaw is-sors tal-problema u mhux soluzzjonijiet kożmetiċi u populisti. Dan intqal mill-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Nazzjonalista Ivan Bartolo.
//= $special ?>