Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Toni Abela ordnat lill-Kunsill Laburista ta’ Birkirkara biex iħallas f’danni s-somma ta’ €51,509.28 lil ċiklist li spiċċa jsofri minn diżabilità permanenti meta waqa’ minn fuq rota u spiċċa jsofri minn diżabilità permanenti minħabba sprall tal-ħadid installat mhux kif suppost.
L-inċident seħħ wara l-Knisja, fit-triq ta’ fejn hemm il-klabb tal-boċċi ta’ Birkirkara. Il-vittma kien Timo Kowalzik, li meta seħħ l-inċident kellu 47 sena u ma kellu ebda mard ta’ natura kronika li setgħu kienu determinanti fuq il-lonġevità ta’ ħajtu. Għalhekk abbażi tal-prinċipji legali id-danni ġew ikkalkulati fuq ‘multiplier’ sal-età ta’ 65 sena, li hi dik pensjonabbli li jwassal għal 18-il sena minn żmien l-inċident.
Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li l-għotja ta’ flus, kbira kemm tkun kbira, qatt ma tista’ tirrintegra lill-vittma għal kif kien jgħix ħajhtu qabel l-inċident. Jekk kien jipprattika sport, dan ma hux se jagħmlu aktar, u jekk kellu l-ħila li jkollu żewġ impjiegi, issa l-anqas wieħed ma jista’ jkollu.
“Mhux ħtija tiegħu li ma baqax bniedem bil-ħiliet u kapaċitajiet li kellu qabel l-inċident” saħqet il-Qorti. Il-Qorti laqgħet it-talbiet tiegħu fejn ħareġ li l-inċident seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2017, għall-ħabta ta’ 4.00 pm. meta Timo Kowalzik, kien involut f’inċident stradali waqt li kien qiegħed isuq rota fi Triq is-Sajjied, kantuniera ma’ Triq Nazju Falzon.
L-inċident sar eżatt x’ħin Kowalzik saq ir-rota tiegħu fuq l-isprall li jiġbor l-ilma tax-xita li hu nstallat fit-triq. Hekk kif huwa saq fuq l-isprall, ir-rota ta’ quddiem taċ-biċikletta tiegħu weħlet bejn il-vireg ta’ ġo l-isprall, b’hekk huwa waqaf f’daqqa u konsegwenza ta’ dan huwa waqa’ minn fuq ir-rota tiegħu u sofra ġrieħi fuq ġismu kif ukoll għamel ħsara fir-rota.
Dan l-inċident seħħ minħabba nuqqas ta’ attenzjoni, negliġenza, imprudenza u traskuraġni minn naħa tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, kif irriżulta u ġie pprovat waqt is-smigħ u t-trattazzjoni tal-kawża. B’mod partikolari peress li huma installaw sprall tal-ħadid għall-ilma illi ma kienx jikkunsidra vetturi illi jkollhom roti dojoq bħal biċikletta bil-pedali jew ‘wheelchairs’.
Kowalzik kien ġie rekoverat fl-isptar wara dan l-inċident, partikolarment minħabba il-ġrieħi illi huwa kellu f’wiċċu. Hu sofra danni konsistenti sew f’danni materjali u kif ukoll telf ta’ qliegħ futur minħabba debilità permanenti f’wiċċu;
Dawn il-ġrieħi permanenti huma dokumentati wkoll permezz ta’ ċertifikat mediku maħruġ mill-professur Dr. Frank Farrugia. Hu qal ukoll li għalkemm il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara kien diġà ġie mgħarraf sabiex
jersaq għall-likwidazzjoni u ħlas ta’ danni sofferti, permezz ta’ ittra bonarja datata 10 ta’ Marzu 2018, hu baqa’ ma għamel xejn.
Il-vittma dejjem qal li hemm bżonn ta’ sistema li tiġbor volumi kbar ta’ ilma u li dan jirrikdedi ppjanar li jieħu nkonsiderazzjoni ta’ l-ispektrum tas-soċjetà kollu u l-metodi diversi tat-trasport partikolarment f’żona pedonali fejn prinċipalment hi użata minn nies f’diversi gradi ta’ mobbilità, foshom minn ċiklisti.
Il-Qorti osservat ukoll li mir-rapport mediku jirriżulta ukoll li għal bqija ta’ ħajtu se jkollu defiċjenza
sensatorjali li tikkonsisti fi tnemnim u sensazzjonijiet oħra mhux mhux pjaċevoli fuq in-naħa ta’ barra u ta’ ġewwa ta’ wiċċ il-vittma, bl-espert jasal ukoll għall-konklużjoni li dawn id-difetti rari juru titjieb.