Internazzjonali

Ir-Russja: Vladimir Putin jipprova jdawwar l-iżviluppi tal-irvell fi trijonf personali….Jirringrazzja lit-truppi talli evitaw ‘gwerra ċivili’

Il-President Vladimir Putin għamel l-ewwel diskors pubbliku wara l-irvell tas-Sibt kontra l-awtorità tiegħu u fejn fost oħrajn faħħar lill-Armata tar-Russja għall-mod kif din irreaġiet biex ‘tevita gwerra ċivili’.

L-irvell mill-grupp Wagner magħmul minn merċenarji, paramilitari u eks-ħabsin kien sfida bla preċedent lil Putin, u l-President, waqt id-diskors, ipprova jikkonvinċi lill-Armata Russa u lill-poplu li l-iżviluppi rriżultaw ‘f’rebħa għar-Russja’ u ‘trijonf personali għalih’.

Id-diskors  sar fil-Pjazza tal-Katidral tal-Kremlin, fejn Putin indirizza lil xi 2,500 suldat, uffiċjal tal-pulizija u kapijiet tas-sigurtà biex jirringrazzhahom talli huma ħarsu u defendew is-sigurtà tal-poplu.

Fid-diskors imqanqal ta’ ħames minuti, Putin għamel minn kollox biex juri li għadu ‘il-mexxej assolut’ tar-Russja u fejn ma naqsitx litanija ta’ akkużi kontra ‘il-protagonisti wara l-irvell’. Hawnhekk issemmew l-Ukrajna, il-Punent u ‘it-tradituri (fir-Russja)’ li fi kliem Putin ‘huma għedewwa eterni li jridu li t-truppi Russi jibdew joqtlu lil xulxin’.

Il-President Putin kien dam ħafna ma jidher fil-pubbliku wara li l-Armata tal-Wagner waqqfet l-avvanz fuq Moska matul il-ġurnata tas-Sibt u meta l-futur tal-Kremlin kien qed jidher inċert għal-aħħar.

U minkejja l-ħafna spekulazzjoni li d-diskors tal-President kien se jiddeċiedi ‘id-destin tar-Russja’, Putin ma qal xejn li seta’ ikun interpretat b’dan il-mod. Dan waqt li l-Mexxej Russu distingwa bejn ‘il-protagonisti tal-irvell’, li fissirhom bħala ‘tradituri’ u l-kapijiet u ġellieda regolari tal-Wagner li l-maġġoranza tagħhom, skont hu, huma patrijotti,

Iżda waqt li l-esperti jemmnu li l-irvell ta’ tmiem il-ġimgħa kapaċi jħalli konsegwenzi sinifikanti għall-Kremlin, it-tmexxija tat-Televiżjoni tal-Istat f’Moska qed tidher ansjuża biex ‘timminimizza’ l-inċidenti tas-Sibt bil-ħsieb li l-poplu ma jibqax jitkellem dwarhom…Dan qed jinkwadra wkoll f’eżerċizzju ċar biex juri mill-ġdid lil Putin bħala l-mexxej ‘ominipotenti’ tar-Russja.

Għażliet għall-ġellieda tal-Wagner

Bħalissa fir-Russja għaddejjin il-preparamenti biex il-ġellieda mal-grupp Wagner jibdew jgħaddu l-armamenti tagħhom lill-awtoritajiet militari tal-pajjiż fost indikazzjonijiet li l-grupp se jxolji bħala entità ta’ ġellieda paramilitari.

Dan ukoll waqt li s-servizzi tal-FSB mill-ġdid ikkonfermaw li l-każ kontra l-ġellieda kollha tal-Wagner issa qed jitqies bħala ‘magħluq’.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Ewlieni tal-Wagner, Yevgeny Prigozhin, żvela għall-ewwel darba li l-irvell tas-Sibt sar b’reazzjoni għall-pjani tal-Gvern Russu biex jassumi kontroll dirett fuq dan il-grupp tal-merċenarji li kien involut fl-agħar battalji ( bħala alleat tal-Kremlin) matul il-gwerra tal-Ukrajna.