Mark Anthony Sammut, PN
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal fil-parlament li jeħtieġ soluzzjoni immedjata għall-problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġ għar-residenti fil-Gudja.
Fl-Aġġornament Mark Anthony Sammut qal li fil-Gudja m’hemmx skema ta’ parkeġġ għar-residenti u kompla li meta kien fil-kunsill lokali kien ippropona by-law biex il-vetturi pparkjati fil-Gudja ma jkunux jistgħu jitħallew ipparkjati mhux iktar minn 24 siegħa.
Din il-by-law kellha l-iskop li tolqot lil dawk li jipparkjaw il-vettura l-Gudja u jitilqu mill-pajjiż u kienet proposta anki għaliex l-infurzar fil-lokal, kif inhu fil-pajjiż, ma jeżistix.
Jirriżulta li m’hemmx fejn jitpoġġew il-karozzi li jkunu irkumkati fil-lokalitajiet għaliex il-post hu mimli. Il-Kunsill Lokali tal-Gudja kien ippreżenta din il-by-law lid-Dipartiment tal-Kunsill Lokali li kien wieġeb li din ma tistax tkun aċċettata u kien irrakkomanda skema li fil-fatt kienet ilha ffriżata 10 snin.
Id-deputat Nazzjonalista qal li fl-2019, il-PL kien wiegħed soluzzjoni għal din il-problema waqt li fl-2021, is-Sindku tal-Gudja, tkellmet dwar l-emendi u qalet li l-by-law se tintbagħat lid-Dipartiment.
Hu kompla li l-ministru reposnabbli kien qal li l-by-law kienet intbagħtet f’April meta s-Sindku qalet li kienet intbagħtet erba’ xhur qabel.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern qed jgħaddi lin-nies tal-Gudja biż-żmien fuq din il-problema għaliex huma kienu mwiegħda li kien hemm soluzzjoni iżda l-problema għad ma ssolvietx.
Fil-Gudja ma nżammux diversi wiegħdi dwar toroq fosthom Triq iż-Żebbuġa fejn ħames snin ilu tpoġġew it-tabelli li se jibda x-xogħol iżda waqaf kollox. Hu semma’ t-telqa ġenerali li hemm fil-Gudja kollha u tkellem ukoll is-sitwazzjoni f’Tas-Sliema fejn appella biex ix-xogħlijiet fi Triq il-Kbira jitlestew għaliex id-dewmien esaġerat qed jikkawża problemi kbar għar-residenti.
//= $special ?>