L-istampa fl-Istati Uniti qed tagħti prominenza lil audio recording fejn l-eks President Amerikan jinstama’ qed jammetti li żamm dokument klassifikat wara li hu kien spiċċa mill-Presidenza. F’dan ir-rekording, Trump jinstama’ waqt li qed jifli f’numru ta’ dokumenti fost kummenti dwar dokument li allegatament kien jitratta lill-Iran u li hu refera għalih bħala ‘kunfidenzjali’.
Ir-rekording spiċċa għall-ewwel darba f’idejn il-ġurnalisti mal-istazzjon tas-CNN waqt li l-istazzjon tas-CBS ukoll jinsab fil-pussess ta’ dan il-clip ta’ żewġ minuti. Qed jingħad li r-rekording sar waqt laqgħa, f’Lulju tal-2021, bejn Trump u diversi nies li kienu qed jaħdmu fuq il-memoir tal-eks Kap tal-Istaff tiegħu, Mark Meadows.
Il-laqgħa kienet saret fil-golf club ta’ Trump fi New Jersey – bl-eks President qed jisħaq sallum li mhux ħati fil-konfront ta’ akkużi fuq livell federali li jitrattaw l-użu illegali ta’ dokumenti sensittivi u ta’ importanza nazzjonali.
Mhux eskluż li l-audio recording hu l-istess rekording li l-prosekuturi federali kienu referew għalih waqt li preżentaw lil Donald Trump bil-mandat tal-akkuża. Huma qed jinsistu li Trump wera d-dokumenti klassifikati darbtejn lin-nies u mingħajr ma kellu clearance jew permess uffiċjali biex jagħmel dan.
L-eks President Amerikan qed jiffaċċja 37 akkuża relatata mal-pussess illegali ta’ dokumenti klassifikati u li hu prova jfixkel l-isforzi tal-Gvern Amerikan biex jeħodhom lura,.
//= $special ?>