Internazzjonali

L-Ukrajna: Suċċessi militari għall-qawwiet ta’ Kiev….Setgħu ħadu lura artijiet li kienu ilhom okkupati mill-2014

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit qal li hemm ‘probabbiltà kbira’ li l-qawwiet Ukreni ħatfu lura territorji li kienu ilhom mill-2014 okkupati mir-Russja. L-artijiet inkwistjoni jinsabu fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna, u l-istqarrija tal-Ministeru Britanniku qed jissostanzja r-rapporti tal-militar Ukren fis-sens li t-truppi tiegħu ħadu l-kontroll f’medda ta’ territorji viċin il-villaġġ ta’ Krasnohorivka.

Is-sorsi fir-Renju Unit komplew li l-qawwiet Ukreni anki qed javvanzaw mill-inħawi tal-villaġġ lejn bnadi oħra fil-lvant ta’ Donetsk u li jista’ ifisser żblokk sinifikanti fil-konflitt jekk kemm-il darba dan ikun ikkonfermat minn sorsi oħrajn.

Intant, qed tinħass arja ġdida ta’ pożittività min-naħa tal-Gvern Ukren, bil-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky itenni li l-kontro-offensiva mill-qawwiet tiegħu li ilha għaddejja kważi tlett ġimgħat, irriżultat f’kisbiet tal-art tul diversi fronti. Zelensky kompla li l-Ukreni għandhom għalfejn jiċċelebraw dak li qed iseħħ fuq il-kamp tal-battalja, għalkemm żamm lura milli jipprovdi informazzjoni speċifika dwar l-avvanzi tat-truppi tiegħu.

Fl-2014, ir-Russja kienet għaqqdet il-penisola tal-Krimea mat-territorji tagħha – bil-qawwiet separatisti favur Moska jieħdu l-kontroll fid-diversi bnadi ta’ Donetsk u Luhansk ( fl-Ukrajna) li qed jaqsmu fruntiera mar-Russja.

Intant, il-Ministeru tad-Difiża Britanniku u diversi sorsi oħrajn, issa, qed jirreferu għal ‘każ rari’, wara l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi, fejn it-truppi tal-Ukrajna għamlu l-kisbiet militari f’art li ilha kważi għaxar snin okkupata mill-Armata tal-Kremlin u s-sostenituri armati tagħha.


L-attakki simultanji tal-qawwiet Ukreni tul il-front tal-gwerra fid-Donbas jidhru li qed iżidu l-pressjoni fuq is-sostenituri armati tal-Kremlin fl-hekk-imsejħa Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk .Dan meta l-attakki huma parti mill-kontro-offensiva tal-Armata Ukrena biex tieħu lura l-artijiet li ilhom ix-xhur mitlufin lir-Russja u meta jidher li l-qawwiet Ċeċeni, alleati tar-Russja, ukoll spiċċaw ‘f’diffikultà’ fl-istess inħawi ta’ Donetsk.