Lokali Qorti

Mixli b’attentat ta’ serq minn karozza waqt li kien xurban

Libjan ta’ 35 sena nżamm taħt arrest wara li l-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ fuq akkużi ta’ attentat ta’ serq minn karozza wara rapport li sar minn persuna li nzertat għaddejja ma’ ħaddieħor mill-inħawi fejn kien l-akkużat fil-karozza. Fil-Qorti ħareġ li meta l-persuna ratu fil-karozza ħareġ b’mus li beda jxejjer u qalilhom li jekk se jgħidu lill-Pulizija, kien se joqtolhom.

Ans Algheziwi ġie mixli li nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta ta’ 11.40pm fl-Imsida ipprova jwettaq serqa liema serqa ma seħħitx minħabba xi ħaġa aċċidentali u ndipendenti mill-volontà tiegħu. Hu ġie mixli li nsulenta persuna u li kien fis-sakra f’post pubbliku u li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nniffsu.

L-Ispettur Shamus Woods li ressaq lil Algheziwi xlieh ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja u li sar reċidiv. L-Avukat Leontin Calleja għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest f’isem l-imputat u li din kienet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni.

L-Avukat Calleja qalet li minbarra li l-akkużat għadu meqjus bħala persuna innoċenti f’għajnejn il-liġi, huwa każ ta’ attentat ta’ serq u li Algheziwi nstab fil-karozza rieqed. Qalet li min imur biex jisraq ma jispiċċax jorqod, qalet ukoll li kien għajjien għax kien xurban u allura mhux f’pożizzjoni li jisraq.

Qalet ukoll li ma kienx hemm sgass u li l-bieba tal-karozza nstabet miftuħa. L-Ispettur Woods qabel li ma kienx hemm sgass iżda qal li min kien għaddej mill-post rah iqalleb u li kien hemm il-‘glove compartment’ miftuħa u li hedded lil persuni li kienu għaddejjin minn hemm.

Tenna li għalhekk ma jikkwalifikax fl-opinjoni tiegħu għall-pleġġ minħabba li għad jonoqos xhieda pajżana biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom. Il-Maġistrat Stafrace Zammit qablet mal-prosekuzzjoni u qalet li peress li għad iridu jixhdu xhieda pajżana kienet qed tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.