Lokali Parlament

Muscat jitlifha meta mistoqsi jispjega kif Konrad Mizzi qal lil Keith Schembri li kull ma jmiss isirlu deheb

L-ex Prim Ministru Joseph Muscat sar aggressiv u ma weġibx hekk kif fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) ripetutament kien mistoqsi jispjega kif Konrad Mizzi qal lil Keith Schembri li kull ma jmiss isirlu deheb. Dan skont xhieda li l-istess Keith Schembri ta fil-PAC.

Kien iċ-Chairman Darren Carabott li għal diversi drabi għamel din il-mistoqsija lil Joseph Muscat fil-laqgħa tal-lum tal-PAC li fiha Muscat xehed għat-tieni darba. F’din il-laqgħa kienet l-Oppożizzjoni li għamlet il-maġġoranza tal-mistoqsijiet lil Muscat.

Il-gvern kien rappreżentat mill-Whip Laburista Andy Ellul, mill-Ministru Clayton Bartolo u d-deputati Laburisti Glenn Bedingfield u Alex Muscat. L-Oppożizzjoni kienet rappreżentata miċ-Chairman tal-Kumitat Darren Carabott u d-deputati Nazzjonalisti Graham Bencini u Robert Cutajar. Joseph Muscat kien akkumpanjat mill-Assistent Personali Mark Farrugia.

Dwar l-MOU bejn il-PL u Energy World qabel l-elezzjoni tal-2013 u l-konsultazzjoni mal-KE, jirriżulta li l-Awditur Ġenerali informa lill-PAC li waqt l-investigazzjoni l-MOU ma kinx sottomess lill-NAO waqt li ma kienet sottomessa l-ebda prova li turi li saret konsultazzjoni mal-KE li Gasol toħroġ mill-konsorzju Electrogas.

Joseph Muscat qal li m’għandux għalxiex jiddubita l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali dwar l-MOU iżda skont hu l-Awditur Ġenerali ma staqsa l-ebda mistoqsija lill-PL dwar dan.

Id-deputati Laburisti fil-kumitat oġġezzjonaw li jsiru mistoqsijiet dwar il-PL għax qalu li l-PAC qed jiskrutinja l-kuntratti tal-power station.

Darren Carabott wieġeb li l-Awditur Ġenerali daħal f’dan l-MOU u anki Joseph Muscat kien iddikjara li kien jifhem li l-Awditur Ġenerali ra dan l-MOU.

Muscat qal li l-Energy World kienet għamlet sottomissjonijiet għaliex inqalgħet mill-proċess tal-power station u kienet semmiet l-MOU. Dwar il-konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea (KE), Muscat qal li fuq il-ħruġ tal-Gasol mill-konsorzju kien hemm konsultazzjoni li dwarha l-awtoritajiet jistgħu jixhdu.

Iċ-Chairman Darren Carabott fakkar lil Joseph Muscat li mhux aċċettabbli li l-assistent tiegħu Mark Farrugia jgħaddilu notamenti waqt ix-xhieda. Muscat oġġezzjona għal dan u nsista li ċ-Chairman jidentifika l-istanding orders dwar dan u sostna li “hawn m’aħniex qiegħdin fil-klassi”. Darren Carabott wieġeb li “propju għalhekk… lanqas fil-klassi ma tista’ tikkopja”.

Muscat qal li hu ma kellu l-ebda rwol fit-tfassil tal-offerta tal-power station għalkemm ma jistax jidħol fir-rwol li kellhom persuni oħra. Hu sostna li ma kellux aċċess għad-dokument tal-offerta qabel din ħarġet għalkemm jimmaġina li uffiċjali tal-Enemalta u tal-Ministeru tal-Enerġija kellhom.

L-ex Prim Ministru Muscat qal li ma kien irrakkomanda lil ħadd biex ikun fil-Kumitat ta’ Evalwazzjoni u ma kellu l-ebda influwenza f’min rebaħ l-offerta. Hu sostna li lanqas Konrad Mizzi u Keith Schembri ma kellhom sehem jew influwenza fid-deċiżjoni.

Darren Carabott kkwota l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li stabbiliet li Keith Schembri kellu sehem fid-deċiżjonijiet u li hu kien wieħed mill-ftit magħżula.

Dwar dan, Joseph Muscat qal li jirrispetta u jaċċetta l-inkjesta u sostna li dik hi kunsiderazzjoni dwar il-ħidma tal-gvern; li hu ma jaqbilx magħhom. Ix-xhud qal li anki l-Awditur Ġenerali stabilixxa li ma kienx hemm influwenza esterna u kompla li ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika.

Dwar l-istil ta’ governanza u l-klikka żgħira ta’ nies li jiddeċiedu fil-gvern Laburista, Muscat qal li jbaxxi rasu għal dik id-deċiżjoni tal-inkjesta iżda ma jaqbilx magħha. Muscat qal li jimmaġina li n-nies fil-Kumitat ta’ Evalwzzjoni ngħażlu skont il-kompetenzi tagħhom iżda hu ma kien għażel lil ħadd.

L-ex Prim Ministru Muscat qal li ma jaqbilx li l-membri tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni jkunu appuntati mill-ministru. Filwaqt li oġġezzjona għal dawn il-mistoqsijiet, Muscat qal li hu joġġezzjona li l-PAC jsir ċirklu politiku, “iżda jekk dan isir, jien naf nagħmel ċirklu politiku iktar minnek”. Mistoqsi jikkundannax lil Konrad Mizzi li ressaq l-ismijiet għall-Kumitat ta’ Evalwazzjoni wieġeb li l-ismijiet ma joħorġux mill-arja u l-kwistjoni hi waħda ta’ kompetenza.

“Naħseb li fil-proċedura ta’ kull gvern, il-ministru għandu kull dritt li jirrakkomanda persuni”, sostna Joseph Muscat, li xehed li hu kien issuġerixxa lil xi membru għal fuq il-Bord tad-Diretturi tal-Enemalta iżda ma ftakarx min kienu ħlief lil Lara Boffa.

Mistoqsi mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar dwar l-għażla ta’ Brian Tonna ta’ Nexia BT, li kien l-accountant tal-Ministru Konrad Mizzi, Muscat qal li jekk tħares lura “jista’ jkun li għandek raġun”. Dwar it-tfassil tal-proġett, Muscat qal li qatt m’attenda għal xi laqgħa għaliex dawn kienu jitmexxew minn Konrad Mizzi.

L-ex Prim Ministru xehed li ma jafx għaliex il-laqgħa dwar id-deċiżjoni li l-offerta rebħitha l-Electrogas saret Kastilja u kompla li wara l-proċess kien informat mill-Ministru Konrad Mizzi dwar min kien rebaħ l-offerta.

Mistoqsi dwar l-okkażjoni li fiha, ġimgħa qabel l-elezzjoni tal-2017 kien hemm iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-power station li swiet iktar minn €100,000 Muscat qal li ma jaqbilx li din kienet ‘okkażjoni purament politika’. Din id-dikjarazzjoni kienet saret mill-Electrogas f’email lil Joseph Muscat.

Joseph Muscat qal kien għamel użu minn Nexia BT biex jimlewlu d-dokumenti tat-taxxa bejn l-2004 u l-2008 biss. Ix-xhud qal li qatt ma kien tkellem ma’ Karl Cini waqt li kien sar jaf lil Brian Tonna fl-2000. “Kont naf li Keith Schembri kien jaħdem ma’ Nexia BT fin-negozju tiegħu”, sostna Joseph Muscat, li kompla li hu ma kellu ebda konflitt ta’ interess.

Għal mistoqsijiet ta’ Graham Bencini dwar il-konflitt ta’ interess li kellu Brian Tonna kif stabblit mill-NAO, Muscat qal li meta jħares lura seta’ nħatru awdituri oħra.

“L-istorja kuħadd jafha, in-nies iġġudikaw fuqha… kien hemm affarijiet li setgħu saru aħjar”, sostna Joseph Muscat, li qal li kien hemm allegazzjonijiet li kien ħa flus minn Egrant u li kien hemm firem foloz. Hu qal li dak li intqal fuqu kien totalment falz u sostna li “this is the elephant in the room ” iżda ħadd mhu qed jitkellem fuqha llum.

Joseph Muscat qal li Brian Tonna ma kellux uffiċċju Kastilja u kompla li ma jafx il-kuntest li fih Konrad Mizzi kien qal lil Keith Schembri li jrid jagħmel bħalu biex kull ma jmiss isir deheb.

Muscat qal li ma jifhmix li din id-dikjrazzjoni tfisser li biha xi ħadd isir sinjur u m’hemmx implikazzjoni malinna għax “ma kontx hemm fil-konversazzjoni”. Hu sostna li m’għandux il-kuntest li fiha saret din il-konversazzjoni u għalhekk ma jistax jirrispondi.

Robert Cutajar qal li Muscat iddikjara fil-PAC li sar jaf bil-kumpanija ta’ Konrad Mizzi u l-Panama Papers meta din ħarġet fil-pubbliku iżda fil-verità, fil-parlament, hu kien qal li sar jaf mid-dikjarazzjonijiet tal-assi minkejja li dawn ma kinux għadhom tpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Mitlob jispjega, Muscat qal jekk iddikjara hekk fil-parlament allura din kienet il-verità.

Għal iktar mistoqsijiet dwar dak li qal Konrad Mizzi lil Keith Schembri, Joseph Muscat sostna li ċ-Chairman tal-PAC għandu jikkonsulta mal-linji gwida tal-parlament dwar kif imexxi l-PAC għaliex, skont hu, mhux qed imexxi l-kumitat kif suppost u qed jikser il-pożizzjoni tal-Ispeaker. “Jien mhux se nkun il-pappagall tiegħek u meta trid nagħmlu dibattitu; dawn il-mistoqsijiet huma taħmil tad-dras”, sostna l-ex Prim Ministru Muscat.

Ix-xhieda ta’ Muscat se tkompli nhar it-Tlieta li ġej, jekk ikun disponibbli.