Lokali

Neil Agius sfurzat jabbanduna l-isfida tal-għawm minħabba tingiż tal-bram

Sfortunatament, fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, għall-ħabta tal-erbgħa, l-atleta Neil Agius kellu jabbanduna l-isfida tiegħu tal-għawm ta’ 100mil minħabba diversi tingiż tal-bram.  Huwa ltaqa’ mal-bram meta kien madwar 46km fl-għawma, ‘il barra mill-kosta ta’ Mallorca, u wara diversi sigħat jipprova jkompli, l-uġiegħ u n-nefħa saru wisq insopportabbli. 

Agius kellu jieħu d-deċiżjoni diffiċli li jabbanduna l-għawma għas-sigurta’ tiegħu.  Minkejja dan id-diżappunt, f’post fuq Facebook, huwa esprima gratitudni lejn dawk kollha li qed jissapportjawh u wiegħed li se jirritorna għall-isfida tal-konservazzjoni tal-oċeani.

Hu flimkien mat-tim li qed jakkumpanjah, sejrin lura Mallorca, fejn mistennija ssir konferenza stampa.

Neil Agius kien mistenni jgħum minn Mallorca għal Ibiza biex jikser rekord dinji u joħloq għarfien dwar il-problema tat-tniġġis u s-sustanzi li jniġġsu l-ibħra u l-oċeani.

Huwa diġa’ kiseb rekord dinji meta għamel għawma ta’ 125km minn Linosa għax-Xlendi f’50 siegħa f’Ġunju tal-2021. Dan għamlu biex iqajjem kuxjenza għall-inizjattiva tiegħu, Wave of Change, fejn ħeġġeġ lil kulħadd jiġbor sitt biċċiet plastik mill-baħar.

Agħfas hawn biex tisma’ l-ewwel kummenti ta’ Neil Agius.