Konferma bl-aktar mod ċar ta’ kemm il-politika internazzjonali tal-Gvern Laburista hi waħda bla direzzjoni, ambigwa u ta’ konvenjenza, intweriet f’dawn il-jiem.
Dan meta l-ewwel Robert Abela mar Ruma u ltaqa’ mal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni u qagħad ifaħħarha biex jidher sabiħ, u imbagħad fi tmiem il-ġimgħa l-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer mar Milan u attakka lill-istess Prim Ministru Giorgia Meloni.
Meta aktar kmieni dan ix-xahar Robert Abela għamel żjara uffiċjali f’Ruma u ltaqa’ mal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni fil-Quirinale, tgħidx kemm kellu body language fit-tentattiv iddisprat biex jipprova jimpressjonaha.
Naturalment Robert Abela jaf ben tajjeb li Giorgia Meloni hi konxja tal-politika ta’ korruzzjoni, tixħim u tkissir tal-ambjent li Robert Abela qed jadotta fil-Gżejjer Maltin u ma jridx li f’fora internazzjonali l-Prim Ministru Taljan tkun ta’ influwenzi negattivi.
Jaf ben tajjeb Robert Abela li Giorgia Meloni trid is-serħan tal-moħħ mill-Gvern Malti li jkun ħieles mill-korruzzjoni u mill-iskandli u li l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu mingħajr xkiel jew gambetti. Għalhekk dakinhar taż-żjara uffiċjali tiegħu f’Ruma, għamel dak kollu li seta’ biex jipprova jimpressjona lill-Gvern Taljan.
Iżda dak l-isforz imqanżaħ u dak ir-reċtar sfurzat ta’ Robert Abela dam biss ftit inqas minn ħmistax-il jum, hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-kollega tiegħu l-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer tkellem f’Milan u sfaċċatament attakka l-politika ta’ Giorgia Meloni.
Quddiem folla ta’ 300,000 persuna fit-toroq ta’ Milan, l-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer – illum anqas biss hu fdat mill-istess partitarji Laburisti li jikkunsidrawh opportunist – tkellem b’ton differenti mill-Prim Ministru Robert Abela.
Cyrus Engerer attakka lil Giorgia Meloni u żied iwissi lill-Gvern Taljan għal teħid ta’ ċertu deċiżjonijiet ta’ dak li sejjaħ bħala mibegħda.
Bla dubju ta’ xejn li dawn iż-żewġ faċċati tal-istess munita – il-munita Laburista – juru l-faqar tal-Gvern ta’ Robert Abela li hu jgħid mod u mbagħad il-kollega tiegħu Cyrus Engerer imur Milan u jwaqqa’ l-isforzi kollha tiegħu… turija bl-aktar mod ċar ta’ kemm dan hu Gvern Laburista bla viżjoni u li l-politika barranija tiegħu hi bbażata biss fuq x’jaqbillu jagħmel f’dak il-mument partikulari.
Naturalment dan ix-xenarju kollu jinftiehem ferm aħjar fil-kuntest tad-diverġenzi u l-inkwiet intern fil-Partit Laburista hekk kif il-fazzjonijiet differenti daru għal xulxin.
B’Robert Abela jimbotta l-kandidatura ta’ Steve Ellul u bis-surveys interni juru li Cyrus Engerer probabbilment li fl-Elezzjoni ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla jibqa’ l-art, allura issa Cyrus Engerer u Randolph De Battista – Deputat Parlamentari iżda l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Partit Laburista – issa qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jimminaw l-aġenda ta’ Robert Abela biex Cyrus Engerer jingħata prominenza anki fuq il-midja tal-Partit Laburista.
Proprju nhar il-Ħadd li għadda, l-istazzjon tal-Partit Laburista ta prominenza lid-diskors ta’ Cyrus Engerer, iżda qajla ndunaw li dak id-diskors kien għalkollox kontradittiv fil-konfront tal-imġiba ta’ Robert Abela meta ltaqa’ mal-Premier tal-Italja ftit tal-jiem ilu biss!
L-inkwiet bejn il-kandidati Laburisti għall-Elezzjoni ta’ Ġunju diġà kkarga sew u jirrifletti dak li qed jiġri fil-Gvern u fil-Partit Laburista b’mod inġenerali fejn l-aġendi personali jipprevalu fuq kull loġika u direzzjoni politika bil-messaġġ politiku jfisser biss taħwid u aktar taħwid.
//= $special ?>