Ħidma ma taqta’ xejn minn ħaddiema tas-sengħa u professjonisti li primarjament qed jiżviluppaw kunċett ta’ agro-turiżmu f’zona li tmur lura snin twal fil-Manikata.
Il-Koperattiva Rurali Manikata taħdem b’bord ta’ voluntieri illi jilqgħu b’mod regolari l-istudenti biex jgħallmuhom dwar l-agrikultura.
Preżentament, din il-Koperattiva bdiet tiżviluppa irziezet f’akkomodazzjoni; filwaqt li qed jaħdmu fil-produzzjoni ta’ ikel lokali u annimali fl-irziezet, bil-maġġoranza tagħhom ġew salvati minn moħqrija.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech żar dan il-post – imsejjaħ “ir-Razzett tal-Qasam” – flimkien mad-Deputati Robert Cutajar u Toni Bezzina. Dan ir-razzett huwa immexxi mill-Koperattiva Rurali Manikata, fejn mhux biss setgħu jaraw ix-xogħol li qed isir mill-voluntieri iżda wkoll daqu xi prodotti lokali.
Bernard Grech spjega ma’ Net News kemm hu importanti li l-Gvern jieħu ħsieb lil dawn l-għaqdiet biex nissalvagwardjaw l-istorja u l-art agrikola.
Kien fid-dawl ta’ dan li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex jassigura li s-sengħa ma tispiċċax fix-xejn, iżda jingħataw l-għajnuna meħtieġa.








Fi tmiem iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħawwel siġra biex iwassal messaġġ dwar l-importanza li nieħdu ħsieb in-natura ta’ madwarna.



Ir-Razzett tal-Qasam imur lura għexieren ta’ snin, bir-residenti tal-Manikata bdew jgħixu f’dik iz-zona qabel mexxew ħwejġhom għal zona oħra, kif spjegatilna il-Manager tal-Koperattiva, Veronica Farrugia. Dan il-post issa qed jilqa’ persuni ta’ kull età għal attivitajiet varji.
Ir-Razzett ewlieni fil-kumpless kien ġie mgħoti lill-Koperattiva Rurali Manikata minn Gvern Nazzjonalista sabiex ikun jista’ jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Wieħed jista’ jidħol fil-paġna ta’ Facebook jew fuq Instagram tal-Koperattiva Rurali Manikata biex isegwi x-xogħol siewi li jwettqu u anke tagħmel kuntatt magħhom.










Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>