L-Eks Prim Ministru u Eks Mexxej Laburista Alfred Sant, li llum jokkupa siġġu fil-Parlament Ewropew, irrikorra għall-midja soċjali biex ħareġ jattakka lill-Prim Ministru Robert Abela illi ppermetta li jsir rapport dwar l-allegat konkos ħażin fid-Dar tal-Anzjani f’Bormla. U stqarr li din il-materja ma messha ngħatat f’idejn il-Ministeru tal-Anzjani “għaliex din mhix ħobż għal snienu”.
Id-dikjarazzjoni qawwija li għamel Alfred Sant – spiss kritiku dirett u indirett tal-istess Robert Abela li hu mifxul bil-problemi interni u bil-kunflitti dejjem jiżdiedu madwaru kemm f’livell ta’ tmexxija tal-Gvern u anki f’livell ta’ tmexxija interna tal-Partit Laburista – tkompli titfa’ aktar melħ fuq il-ferita tal-kwistjoni ‘Dar ta’ Bormla’.
Għaliex il-kritika qawwija tiegħu hi indirizzata wkoll direttament lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li f’din il-kwistjoni tal-allegat konkos ħażin, jidher li abdika mir-responsabbiltà tiegħu li jkun għassies viġilanti ta’ flus il-poplu.
Imbagħad kritika qawwija wkoll fil-konfront tal-Ministru tal-Anzjani Jo Etienne Abela li aċċetta li jkun il-Ministeru tiegħu li jittratta din l-investigazzjoni meta qatt ma messu aċċetta ħaġa bħal din għaliex ovvjament din “mhix ħobż għall-Ministeru tal-Anzjani”.
Insomma Gvern Laburista li għaddej minn mewġ qawwi u kuljum ifeġġu konflitti ġodda fi ħdanu b’Ministri u bi rjus kbar oħra jattakkaw lil xulxin, biex ma nsemmux ukoll li spissi huma d-daqqiet taħt iċ-ċinturin.
Fil-midja soċjali, l-Eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Alfred Sant jibda biex jgħid li: “Lil hinn minn kull kunsiderazzjoni stupida partiġjana, l-informazzjoni dwar ix-xogħol ħażin li sar fit-tqegħid tal-konkos għall-binja tal-anzjani f’Bormla hi inkwetanti.
“Tingħaqad ma’ informazzjoni simili dwar xogħlijiet oħra kbar tal-Gvern fl-aħħar deċennji.”
“Ikun għaqli li tiġi investigata għax is-suspett iqum li fin-nofs hemm maniġġ sistemiku. Minn naħa, proġetti qed jinħadmu – tgħid apposta?”
Alfred Sant jissokta jistaqsi jekk dawn il-proġetti hux jinħadmu b’konkos ta’ kwalità inferjuri u jżid jistaqsi wkoll: “Min-naħa l-oħra min suppost qiegħed jissorvelja biex ix-xogħol isir kif suppost, qiegħed ifalli fi dmirijietu.
“B’riżultat ta’ dan, minbarra li qed jitberbqu bil-kbir il-miljuni li huma flus il-poplu, qiegħed jispiċċa jkun affettwat ħażin ukoll il-welfare taċ-ċittadini.
“Ma nafx min ivvinta li inkjesta bħal din għandha ssir mill-Ministeru għall-Anzjani, li ovvjament mhix ħobż għal snienu, imma hi r-responsabbiltà ta’ min qiegħed hemm biex iħares il-flus tal-poplu,” itemm jgħid Alfred Sant b’referenza ċara lejn Robert Abela, Clyde Caruana u Jo Etienne Abela.
Il-verità sagrosanta hi li l-Gvern Laburista ilu sentejn jaf bil-problemi fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla… iżda ma għamel effettivament xejn għajr li issa daħal f’paniku kbir u daħħal anki l-paniku fost ir-residenti anzjani tal-istess Dar.
Hu stat ta’ fatt li qed tissokta l-kontroversja dwar id-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla, aktar u aktar hekk kif issa sar magħruf li minkejja li din il-binja mhux tilħaq ċerti standards, fl-aħħar xhur kien inħareġ ċertifikat li hija ‘up to standard’ sas-sena d-dieħla!
Jirriżulta fil-fatt u minkejja l-ħafna diskorsi li għamel il-Ministru Jo Etienne Abela biex jiġġustifika s-siġġu li għandu fil-Kabinett tal-Ministri, li rapport li kien sar f’Settembru tal-2021 u li kien preżentat fil-Parlament ftit tal-jiem ilu, juri b’mod ċar li l-Gvern Laburista kien ilu kważi sentejn jaf li l-kundizzjonijiet ta’ din id-Dar ma kenux xierqa u dan għad-detriment tas-saħħa tal-anzjani u anke tal-ħaddiema li jaħdmu f’din id-Dar.
Jirriżulta wkoll li l-Perit Stephen Buhagiar f’dan ir-Rapport partikolari qal li l-konkos ta’ din ir-residenza, li nbniet fl-1997, kien ikklassifikat li ma jilħaqx l-istandards rikjesti.
Il-Perit Stephen Buhagiar żied jgħid li l-iktar tħassib tiegħu kien fuq il-livell ta’ saħħa li kellu l-konkrit hekk kif f’ċerti partijiet tal-binja s-saħħa tal-konkrit kienet iktar dgħajfa minn partijiet oħra.
Oriġinarjament kienet il-kumpanija Terracore Limited li kienet tqabbdet biex twettaq testijiet tal-konkrit f’diversi gallariji li jinsabu f’din il-binja. Kien irriżulta li żewġ kampjuni li ttieħdu wrew li ma rreżistewx it-test, filwaqt li l-bqija tar-riżultati indikaw li ma kinux aċċettabbli.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu mbagħad tinħoloq anomalija grassa oħra… dik mill-Awtorità tas-Social Care Standards li oriġinarjament kienet għamlet rapport u fih kienet qalet li – u dan permezz ta’ ċertifikazzjoni – li l-binja tad-Dar tal-Anzjani f’Bormla kienet “up to standard”. Din iċ-ċertifikazzjoni turi bl-aktar mod ċar li dan kollu jibqa’ fis-seħħ sa Jannar tal-2024. Iżda issa din l-Awtorità qed tgħid li din id-Dar għandha titwaqqa’!
Dan ix-xenarju kollu juri bl-aktar mod ċar it-taħwid grass fil-Gvern ta’ Robert Abela u bir-raġun kollu li l-Eks Prim Ministru u Eks Mexxej Laburista Alfred Sant joħroġ jattakka lil Robert Abela li mhux qed jagħmel l-affarijiet bis-serjetà kemm-il darba jrid li toħroġ il-verità kollha dwar l-allegazzjonijiet serji tal-konkos ħażin f’din id-Dar partikolari.
//= $special ?>