Lokali

Appell qawwi lill-membri tal-Gvern biex jivvotaw favur Inkjesta Pubblika

Mozzjoni sfurzata fuq il-Gvern bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ qabel unanimament li nhar il-Ħamis 6 ta’ Lulju 2023 l-parlament jiddiskuti u jivvota dwar mozzjoni tal-Oppożizzjoni li ssejjaħ għal inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Il-Ħamis 6 ta’ Lulju 2023 hi l-ġurnata riservata għall-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Il-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jirrifjuta li ssir inkjesta pubblika dwar din il-mewt f’sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin.

F’post fuq il-midja soċjali il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħeġġeġ lill-membri tal-Gvern biex jivvotaw favur il-ġustizzja u jikxfu l-verità kollha.  Huwa saħaq li l-membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista huma determinati li jsegwu l-verità u jżommu appoġġ qawwi għal Inkjesta Pubblika.

F’kumment fuq l-istess post, omm Jean Paul Sofia, Isabelle Bonnici, irringrazzjat u wriet apprezzament lil kull min qed jagħtiha sapport. Filwaqt li appellat lill-Membri Parlamentari taż-żewġ naħat tal-kamra biex jivvotaw b’kuxjenza nadifa sabiex verament juru li jridu li ssir ġustizzja mal-ħaddiem u maż-żgħir. 

Jean Paul Sofia tilef ħajtu f’Diċembru li għadda, wara li spiċċa taħt it-terrapien u l-konkos ta’ 4 sulari binja f’Kordin li kienet taħt kostruzzjoni – bil-kadavru tiegħu jinstab wara tfittxija ta’ 14-il siegħa. Apparti Sofia, f’dak l-incident kienu indarbu wkoll numru ta’ persuni.

Issa għaddew kważi seba’ xhur, u l-Pulizija, minkejja li għandhom is-setgħa, ma arrestaw lil ħadd b’rabta mal-każ.

Stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista

F’laqgħa li saret ilbieraħ bejn il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, il-Membri Parlamentari qablu li fis-6 ta’ Lulju, 2023, fil-ġurnata riservata għall-Oppożizzjoni, se tkun qed tiġi diskussa u ssir il-votazzjoni dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex issir inkjesta pubblika li għandha twassal biex issir ġustizzja u nsiru nafu l-verità kollha fil-każ ta’ Jean Paul Sofia.

Permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, elenka l-fatt li Robert Abela għadu jwebbes rasu u ma jridx jagħmel inkjesta pubblika dwar il-mewta traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia. Dan filwaqt li sostna li l-Membri Parlamentari tal-Gvern għandhom jivvutaw mal-Oppożizzjoni jekk tassew iridu li ssir ġustizzja u li tinħareġ il-verità.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li minħabba din l-attitudni min-naħa ta’ Robert Abela, ma fadalx triq oħra ħlief li l-Gvern, permezz tal-ġurnata riservata lill-Oppożizzjoni, ikun imġiegħel jiddiskuti dan kollu.

Il-Partit Nazzjonalista jsostni li mhux aċċettabbli li r-ras iebsa ta’ Robert Abela tibqa’ ċċaħħad lill-ġenituri u lill-qraba mill-verità kollha.