Il-President ta’ Franza Emmanuel Macron fisser bħala ‘inaċċettabbli’ inċident li fih tilef ħajtu żgħażugħ ta’ sbatax il-sena li qala’ tiri mill-viċin sparati minn uffiċjal tal-pulizija. Mifhum li l-isparatura f’Pariġi seħħet għaliex l-adolexxenti ma obdiex direttiva biex jieqaf bil-karozza — bil-każ jinsab taħt investigazzjoni.
Il-filmati li qed jiċċirkulaw fuq il-media juru lill-pulizija tat-traffiku qed jipponta arma tan-nar lejn ix-xufier ta’ karozza u qabel jinstama’ tir wieħed – bil-vettura tieqaf minnufih sekondi wara.
L-adolexxenti, identifikat bħala Nahel, miet mill-ġrieħi li ġarrab f’sidru wara l-isparatura u ma swew għalxejn l-isforzi tas-servizzi għall-emerġenzi biex isalvawlu ħajtu.
L-uffiċjal tal-pulizija inkwistjoni, fil-preżent qed jinżamm taħt arrest fejn qed jiffaċċja akkużi ta’ omiċidju.
L-inċident wassal għal sensiela ta’ protesti vjolenti f’Pariġi waqt li nqala’ ukoll l-inkwiet fl-ibliet ta’ Asnières, Colombes, Suresnes, Aubervilliers, Clichy-sous-Bois u Mantes-la-Jolie.
L-aħbar tal-qtil imxiet bħal leħħa ta’ berqa madwar iz-zona ta’ Nanterre (f’Pariġi) fejn seħħet l-isparatura b’diversi gruppi ta’ nies jinfexxu f’atti vjolenti u ġlied mal-uffiċjali tal-pulizija, li min-naħa tagħhom għamlu aktar minn 30 arrest.
L-adolexxenti traġiku, intant, hu t-tieni persuna fi Franza din is-sena li nqatel mill-pulizija waqt ‘traffic stop’. Dan wara li s-sena l-oħra (fil-pajjiż) inqatlu rekord ta’ 13 bl-istess mod u wara li huma, allegatament sfidaw id-direttivi tal-pulizija.
Il-filmati li ħarġu minn Nanterre, fl-aħħar sigħat, anki ‘giddbu’ lill-uffiċjali tal-pulizija li għall-bidu suġġerew li l-adolexxenti kien saq il-karozza għal fuq il-kollegi bl-intenzjoni li jferihom. Fil-fatt, filmat minnhom juri biċ-ċar lill-uffiċjal tal-pulizija qed jimmira l-arma tan-nar lejn is-sewwieq minn barra t-tieqa tal-karozza u fejn spara għal fuqu waqt li dan kien qed jipprova jsuq minn fuq il-post.
Sadanittant, il-Gvern Franċiż qed jaħseb biex jitratta l-każ ‘b’responsabbiltà u b’kawtela’ meta hemm periklu li l-irvellijiet ikunu ripetuti fl-ibliet Franċiżi anki matul il-ġimgħa.
//= $special ?>