Lokali Qorti

Id-difiża ta’ Sirjani akkużati b’terroriżmu tgħid li l-arrest tagħhom kien illegali

Fil-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima ġie mressaq rikors mill-avukati difensuri ta’ seba’ Sirjani akkużati b’terroriżmu. L-akkużati li ġew arrestati fi tmiem April li għadda huma – Ajil Al Muhsen, Adnan Maashi, Yazan Abdulkaziz, Ahmed Kadas, Khalil Al Mahmoud, Ahmed Ahmed u Mohammed Mohammed – għandhom huma bejn 21 u 27 sena.

Fir-rikors, l-avukati qalu li minħabba l-arrest tal-akkużati ma setax jiġi rivedut fit-terminu ta’ ħmistax-il ġurnata, isostnu li l-arrest tagħhom kien illegali. Huma talbu biex il-Qorti tordna l-ħelsien mill-arrest tal-imputati.

Ir-rikors imsejjaħ legalment habeas corpus ġie trattat mill-avukat Josè Herrera u Matthew Xuereb allegaw fermament li l-arrest tal-allegati terroristi huwa llegali. L-avukat tal-AĠ ukoll qabel li ma hemmx biżżejjed infrastruttura elettronika.

Mill-provi sa issa fil-qorti ħareġ li numru ta’ Sirjani bdew jippubblikaw posts fuq il-mezzi soċjali tagħhom dwar it-terroriżmu Jihadist. Minħabba li bdew jiżdiedu l-posts tal-grupp li kienet kollha propoganda Jihadista fosthom fuq Instagram u TikTok. Dawn kienu jmorru jitolbu l-Moskea ta’ Santa Venera u mhux ta’ Raħal Ġdid, u kienu ħbien ħafna u joħorġu flimkien. Huma Musulmani Sunni.

Kien għalhekk li fl-20 ta’ Marzu li għadda nfetħet inkjesta bil-Maġistrat bl-investigazzjonijiet jibqgħu għaddejjin. Dan kien ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Jean Paul Attard meta kien qed jagħti d-depożizzjoni tiegħu fil-Qorti. Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia saret il-kumpilazzjoni tal-provi kontra s-seba’ rġiel arrestati f’April fuq akkużi relatati mat-terroriżmu.

Ajil Al Muhsen, Khalil Al Mahmoud u Adnan Maashi ta’ 21 sena,, Yazan Abduklaziz 26, Ahmed Kadas 25, Ahmed Ahmed 27, u Mohammed Mohammed ta’ 24 sena, li kollha huma minn Is-Sirja, kienu tressaq il-Qorti nhar il-Ħadd 30 ta’ April fuq numru kbir ta’ akkużi relatati mat-terroriżmu.

Huma kienu ġew arrestati l-ġurnata ta’ qabel wara investigazzjoni mill-awtoritajiet Maltin, li aktar tard kienet tinvolvi wkoll lill-Europol. L-irġiel huma akkużati li qassmu materjal immirat biex jinċita atti ta’ terroriżmu; ir-reklutaġġ jew it-tħeġġiġ ta’ persuni biex iwettqu atti ta’ terroriżmu jew biex jivvjaġġaw barra mill-pajjiż bħala parti minn pjan terroristiku; jirċievu u jipprovdu taħriġ dwar l-użu ta’ armi tan-nar u splussivi speċifikament għal skopijiet relatati mat-terroriżmu.

L-ispetturi Jeffrey Cutajar u Jean Paul Attard qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati Antoine Agius Bonnici, Francesco Refalo u Rebeca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Jose Herrera, Matthew Xuereb, Robert Galea u Alicia Borg huma avukati difensuri.