Lokali Qorti

Il-Maġistrat Lia tirrikuża ruħha minħabba konflitt ta’ interess fil-każ dwar il-qtil ta’ Joseff Rivas

Il-kumpilazzjoni tal-provi kontra t-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Joseff Rivas se jkollha tkompli quddiem maġistrat ieħor wara li l-Maġistrat Nadine Lia rrikużat ruħha. Rivas inqatel f’Paceville f’Diċembru li għadda, f’attakk maħsub li kien riżultat ta’ ‘gwerra’ bejn gruppi kriminali organizzati rivali fil-kummerċ internazzjonali tas-sess.

Ilie Constantin, Ionut Iulian Tanase, u Dan-Andrei Tanase huma akkużati bl-omiċidju volontarju ta’ Rivas, fil-pussess ta’ armi proprji waqt it-twettiq ta’ reat kontra l-persuna u bil-ġarr ta’ sikkina fil-pubbliku mingħajr liċenzja.

L-irġiel qed jaffaċċjaw ukoll aktar akkużi relatati mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, li jgħixu mill-qligħ tal-prostituzzjoni, li joperaw burdell, li ppermettew li proprjetà li huma amministrati tintuża bħala burdell.

Meta l-Erbgħa kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tal-irġiel quddiem il-maġistrat Nadine Lia, il-Qorti infurmat lill-partijiet li kellha kunflitt ta’ interess fir-rigward ta’ wieħed mill-avukati difensuri, Arthur Azzopardi.

Il-Qorti rrimarkat li ma tressaq ebda rikors mill-Avukati Azzopardi u Jacob Magri fejn talbu l-astensjoni tagħha. L-Avukat Magri infurmat lill-Qorti li l-kollega tiegħu Dr. Azzopardi bħalissa jinsab barra minn Malta u spjega li r-rikuża tagħha ma ntalbitx għax il-każ kontra l-irġiel li mhux se jiġi deċiż mill-Maġistrat Lia, iżda minn ġurija.

Il-Maġistrat Lia iżda ħabbret li kienet qed tieħu l-inizjattiva u tastjeni milli tippresjedi l-kawża hija stess.
Il-kumpilazzjoni tal-provi issa trid tiġi assenjata lil maġistrat ieħor mill-Prim Imħallef qabel ma tkun tista’ tkompli. L-avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Charmaine Cherret u Jacob Magri qed jirrappreżentaw lill-irġiel akkużati.