Knisja Lokali

Inawgurata Casa Fratelli Tutti

Saċerdoti minn pajjiżi missunarji jistudjaw f’Malta biex ikunu ta’ servizz aħjar f’pajjiżhom.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi inawgura u bierek Casa Fratelli Tutti, dar li tilqa’ saċerdoti minn pajjiżi foqra li jixtiequ jistudjaw il-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. L-għan ta’ Casa Fratelli Tutti hu li l-Knisja f’Malta u l-Università jagħtu opportunità lil saċerdoti barranin biex ikomplu l-istudji tagħhom f’Malta minkejja l-isfidi finanzjarji u kulturali li jistgħu jiltaqgħu magħhom. Bħalissa f’din id-dar qed jgħixu ħames saċerdoti min-Niġerja u ż-Żimbabwe.

Casa Fratelli Tutti, li tinsab fid-daħla tas-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fir-Rabat, fiha ħamest ikmamar tas-sodda, kċina, kappella, u kamra fejn is-saċerdoti jistgħu jqattgħu l-ħin liberu flimkien. Ftehim li sar bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Fakultà tat-Teoloġija jgħid li d-dar titmexxa mill-Fakultà għal dan l-iskop pastorali u missjunarju għal perjodu ta’ 15-il sena. Preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ din id-dar kien hemm uffiċjali mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, letturi tal-Fakultà, l-istudenti residenti, flimkien ma’ benefatturi u kollaboraturi.

L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li Casa Fratelli Tutti timxi fuq ix-xewqa tal-Papa Franġisku dwar kif għandha tkun il-Knisja, jiġifieri xhieda ta’ Knisja li tilqa’. Hu enfasizza li din id-dar tagħti rispett u dinjità lil dawn is-saċerdoti li ġew f’Malta sabiex ikunu jistgħu jaqdu aħjar lill-Knisja f’pajjiżhom. Il-preżenza tagħhom hi ta’ ġid għal viżjoni ta’ Knisja fejn ninsġu rabtiet ta’ għaqda fi Kristu bħala Knisja waħda.

Id-Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija, Dun Stefan Attard qal li b’dan il-proġett il-Fakultà qed tgħin b’mod konkret saċerdoti li se jkunu ta’ servizz aħjar għall-Knisja u s-soċjetà lura f’pajjiżhom. Qal ukoll li f’dinja mimlija sfidi, jittama li Casa Fratelli Tutti tkompli tkun fil-prattika strument ta’ fraternità, djalogu soċjali u solidarjetà. Huwa rringrazzja lill-benefatturi u l-kollaboraturi kollha li għenu sabiex dan il-proġett ikun possibbli u jħalli l-frott mixtieq.

Isem id-dar hu ispirat mill-enċiklika ta’ Papa Frangisku ‘Fratelli Tutti’ li hi dwar il-fraternità u l-ħbiberija soċjali.