Lokali

Is-Soup Kitchen tal-Belt tirbaħ il-Premju ‘Ċittadin Ewropew’

Is-Soup Kitchen tal-Belt Valletta hija r-rebbieħa tal-Premju taċ-Ċittadin Ewropew tal-2023, wara li ġiet innominata mill-MEP David Casa.

Il-Patrijiet Franġiskani bdew joperaw is-Soup Kitchen fl-2021, ftit wara li l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel wasslet lil dawk fil-bżonn biex ifittxu l-għajnuna. Fil-fatt, mijjiet ta’ persuni diġa’ ibbenefikaw minn dan is-servizz tant importanti.

L-MEP David Casa, li kien mexxa n-negozjati dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn, qal li l-inflazzjoni tal-ikel tibqa’ sfida urġenti fl-ekonomija tal-lum.

Hu faħħar dan l-isforz tas-Soup Kitchen, u qal li nies bħal Fr Marcellino huma minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Fil-qalba tal-proġett hemm it-twemmin għall-aktar dritt fundamentali Ewropew: id-dinjità tal-bniedem.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech minn naħa tiegħu awgura lil Fr Marcellino għal premju li rebħu, u faħħar is-Soup Kitchen għax-xogħol imprezzabli tagħhom.

Hu semma kif kellu diversi opportunitjiet li jitkellem ma’ Fr Marcellino fejn fetaħ qalbu miegħu dwar dak li jara ta’ kuljum, u semma kif dejjem apprezza il-kilba tiegħu biex jgħin – element nobbli illi jinħass ukoll f’kull min qiegħed iwettaq xogħol volontarju fil-kċina.