Parlament

Iż-żgħażagħ Maltin għandhom jieħdu l-benefiċċji tal-crowd funding

Ivan J.Bartolo, PN

Id-deputat Nazzonalista Ivan J.Bartolo sostna fil-parlament li ż-żgħażagħ Maltin għandhom jieħdu l-benefiċċju tal-crowd funding għal ideat u inizjattivi ġodda li huma jkollhom.

Ivan J.Bartolo qal li l-ekonomija Maltija hi vibranti iżda l-Ministru tal-Fiannzi irid jibdel il-mudell, il-Ministru għall-Ekonomija jrid jagħmel biss aġġustament u ministru ieħor li qed jara fejn se jmur. Hu qal li l-aċċess għall-fondi fis-self dejjem kien problemi f’Malta u sostna li dawn id-diffikultajiet dejjem qed jikbru.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-crowd funding hu popolari fl-Ewropa u hemm diversi strutturi differenti Hu tkellem dwar l-istart ups fl-irlanda u f’California u qal li mlta għandha bżonn issaħħaħ dan il-metodu li fih jinġabru donazzjonijiet żgħar mingħand il-ħafna.

Ivan J.Bartolo qal li l-limitu jrid ikun wieħed li jagħmel differenza fil-ħajja tal-istart-ups u taż-żgħażagħ li jridu jsiru imprendituri. Tipikament il-crowd funding isir permezz tal-internet, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li f’Ċipru qed tattira l-industrija tal-gaming minħabba li qed toħloq ambjent differenti b’sistemi ta’ tassazzjoni differenti.

Id-deputat Nazzjonalista qal li benefiċċju ieħor hu l-validitazzjoni tas-suq fejn min joħloq l-idea jara r-reazzjoni tan-nies; dan hu vantaġġ. Minbarra dan hemm ukoll il-mod kif il-prodotti jkunu esposti għall-pubbliku. Malta għandha toħloq skills bank fejn kumpaniji żgħir jistgħu jingħataw l-assistenza mingħand persuni ta’ esperjenza.

Ivan J.Bartolo kompla li l-feed back u l-ingaġġ huma benefiċċji oħra tal-crowd funding u sostna li l-pajjiż għandu joffri ideat ġodda u għodda ġdida fejn l-investituri Maltin jistgħu jinvestu. Fost dawn hemm l-industrija marittima li tista’ toffri inizjattivi għaż-żgħażagħ; il-gvern jista’ jkun l-ewwel klijent f’dawn l-inizjattivi. Il-gvern jista’ anki jagħti inċentivi ta’ taxxa li jidħlu f’dawn il-proġetti.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-mudell ta’ donazzjoni diġà jista’ jsir f’Malta u qal li jispera li l-gvern se jmur lejn iktar mudelli fosthom ir-reward based model, il-mudell ibbażat fuq self u l-mudell ibbażat fuq l-ishma. Dawn il-mudelli jġibu ħafna riskji iżda ħadd m’għandu jaqta’ qalbu minnhom.

Ivan J.Bartolo kompla li jrid ikun hemm monitoraġġ kontinwu biex ma jikbirx ir-riskju ta’ falliment. Riskji oħra nuqqas ta’ sorveljanza telf finanzjarju u r-reputazzjoni. Mill-crowd funding se jkunu nġabru €266 miljun fl-Ewropa li għalkemm mhumiex flus kbar, l-ammont hu sinifikanti tant li jidher li dan se jikber sa €300 miljun, sostna d-deputat Nazzjonalista.