Ħames bajjiet ġew identifikati bħala żoni oħra ta’ għawm għall-annimali, li jinkludu tlieta f’Malta u tnejn oħra fil-gzira t’Għawdex.
L-għan ta’ dawn iż-żoni hu sabiex kemm il-familji kif ukoll il-klieb u l-annimali jkunu jistgħu jgawdu l-baħar fl-eqqel tas-sajf flimkien mal-kumplament tal-familja. Għalhekk, parti minn dawn il-bajjiet se tkun żona dedikata għalihom.
Il-ħames żoni ġodda ċċertifikati bħala adegwati għal għawm tal-annimali jinkludu Ramlet Qortin fil-Mellieħa, ir-Ramla ta’ Wied Musa fiċ-Ċirkewwa, il-Bajja ta’ San Tumas f’Marsascala, il-Bajja tal-Qbajjar fiż-Żebbuġ u Ras il-Ħobz f’Għajnsielem.
Issa f’pajjiżna ż-żoni tal-għawm għall-annimali tellgħu għal 12, li minnhom erbgħa huma f’Għawdex.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret f’waħda miż-żoni meqjusa bħala pet-friendly, wieħed seta’ jinnota li filwaqt li persuna setgħet tieħu lill-annimali jgħumu f’din iż-żona, xorta hija nieqsa minn bins, slielem u l-faċilitajiet neċessarji; kemm għall-annimali kif ukoll għall-familji.
Apparti dan, jidher illi għadu ma sar l-ebda ttestjar uffiċjali tal-kwalità tal-ilma fiż-żoni mħabbra għall-għawm tal-annimali u jirriżulta li kemm il-faċilitajiet kif ukoll l-ittestjar għandu jsir fil-ġranet li ġejjien.
Net News tkellem ukoll mal-minority leader fil-Kunsill ta’ Marsaskala John Baptist Camilleri illi qal li l-kunsill tal-lokal jinsab urtat għaliex ma ġiex ikkonsultat b’din id-deċiżjoni. Apparti dan, il-Kunsill ta’ Marsaskala sar jaf bil-konferenza tal-aħbarijiet ġurnata qabel.
//= $special ?>