Kompla jinstema l-każ ta’ Carmelo Camilleri ta’ 69 sena mill-Mosta li jinsab mixli bil-qtil tal-Baruni Sant Cassia fl-1988. Fis-seduta tal-Erbgħa, kellha tixhed l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg li iżda skont l-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kevin Valletta, l-avukat Ġenerali tinsab maqbuda f’delegazzjoni barranija u ma setgħetx tattendi l-Qorti.
L-avukati difensuri Jason Azzopardi u Chris Busietta iddikjaraw li minħabba raġuni ta’ fatti kif stabbiliti minn diversi psikjatri, l-akkużat ma jistax iwieġeb għall-akkużi u lanqas jista’ jikkomunika magħhom. L-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali qal li mhux se jikkontesta l-fatti stabbiliti mill-psikjatri.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ddiferixxiet il-kawża għall-4 ta’ Lulju fid-9am, sabiex issir it-trattazzjoni u tingħata deċiżjoni dwar jekk u meta se jsir il-ġuri dwar dan il-każ. Il-psikjatri kkonkludew li Camilleri jbati minn diversi problemi kemm fiżiċi u anke mentali. Fosthom ibati bid-dimensja u li fl-aħħar ħames snn il-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar.
Għandu problema biex jiekol u jinħasel waħdu u biex jieħu ħsieb tiegħu nniffsu. Kien f’April tal-2006 li Camilleri kien tressaq il-Qorti, 17-il sena wara li nqatel il-vittma, u meta l-akkużat kellu biss 33 sena. Pierre Calleja, dak iż-żmien Supretendent kien mexxa l-każ flimkien mal-Ispettur Christopher Pullicino, fejn qal fil-Qorti li l-pulizija kienet irċeviet informazzjoni kunfidenzjali dwar l-involviment tal-akkużat fil-5 ta’ Settembru 2004. Iżda meta ġie arrestat, l-akkużat kien ċaħad kull involviment.
Madankollu, meta reġa’ ġie arrestat aktar tard, l-akkużat ammetta li kien hu li spara lill-Baruni Sant Cassia u meta l-pulizija ħaduh fil-post fejn kien seħħ il-qtil, spjegalhom kif sar il-qtil u qabbel eżattament ma dak li kienet sabet il-pulizija fuq il-post tad-delitt dak il-ħin.
L-avukati ta’ raġel li minn dak li ħareġ fil-qorti rriżulta li jbati b’diżabbiltà intellettwali qed jakkużaw lill-Avukat Ġenerali b’double standards, u staqsew għaliex fil-każ tiegħu ma nħariġx nolle prosequi. Il-Baruni Sant Cassia inqatel b’tiri viċin tad-dar tiegħu, Castello Zammitello, fl-Imġarr.
Għal Camilleri qed jidhru l-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Julian Farrugia. L-Avukat Kevin Valletta qed imexxi l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali.