Ir-realtajiet tal-familji imħallta f’pajjiżna kienu diskussi waqt laqgħa organizzata fil-Parlament mill-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà flimkien mal-Università ta’ Malta – diskussjoni bit-titlu “Familji imħallta sejrin tajjeb: x’qed jgħidulna t-tfal?”.
L-istudju intitolat “Blended Families Research Project” kien tnieda fl-2021, u r-riċerka tmexxiet mill-akkademiċi Angela Abela, Suzanne Piscopo, Sue Vella u Allison Zammit Said.
Angela Abela, l-investigatur ewlieni, ddeskriviet kif fl-istudju ffukaw fuq dak li qalulhom it-tfal, u sostniet li huma impressjonaw ruhom dwar il-livell ta’ empatija minn naħa tat-tfal lejn il-ġenituri tagħhom; anke f’sitwazzjonijiet li ma kienux komdi għalihom. It-tfal kienu ferm protettivi fuq il-ġenituri tagħhom, u malajr aċċettaw is-sitwazzjoni fejn ġenituri ikunu f’relazzjoni oħra; dan minkejja l-età żgħira tagħhom.
Din tirrifletti l-irowl importanti li għandhom il-genituri u lis-step-parents sabiex irawmu relazzjonijiet b’saħħithom – mhux biss bejniethom, iżda wkoll mat-tfal involuti – sabiex jassiguraw komunikazzjoni ċara u onesta bejniethom.
Fost il-pariri li taw it-tfal waqt li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, huma staqsew lis-step-parents biex iħallu l-ġenituri bijoloġiċi jikkomunikaw b’libertà mingħajr ma jkun hemm sens ta’ għira jew suspetti. Huma staqsew ukoll lil tfal oħra li għaddejjin mill-istess esperjenza biex jagħtu ċans lil step-parents ġodda, u biex jistaqsu għall-għajnuna jekk iħossu sens ta’ rabja jew biżà, hekk kif familja imħallta hija esperjenza sabiħa.
Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca min-naħa tagħha fakkret kif qatt ma sar dan it-tip ta’ studju f’Malta, u rrimarkat l-importanza ta’ dan il-proġett – xprunat mill-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà.
//= $special ?>