Lokali Parlament

L-Ispeaker jimblokka l-addottazzjoni tar-rapport li sab ksur ta’ etika dwar suppliment partiġġjan tal-gvern fil-‘KullĦadd’

L-Ispeaker Anġlu Farrugia mblokka l-addottazzjoni ta’ rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li kien sab ksur ta’ etika fil-każ ta’ suppliment partiġġjan li l-gvern kien għamel fil-gazzetta Laburista ‘KullĦadd’.

Il-pożizzjoni tal-Ispeaker ittieħed f’laqgħa tal-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li saret illum u li ddiskutiet ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards, li kien sar minn George Hyzler meta kien għadu jokkupa din il-kariga, dwar dan is-suppliment.

Is-suppliment ta’ 32 paġna kien pubblikat fis-16 ta’ Jannar 2022 fl-okkażjoni tas-sentejn minn meta l-Mexxej Laburista Robert Abela sar Prim Ministru. Is-suppliment kien jinkludi 18-il riklam tal-gvern li kienu mifruxa minn paġna sa erba’ paġni fit-tul tagħhom.

Fir-rapport tiegħu dwar dan il-każ, il-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li ma kienx ġustifikat li riklami uffiċjali jiġu ppubblikati fis-suppliment, għaliex l-għan tas-suppliment kien li jfaħħar mexxej politiku u jiċċelebra t-tieni anniversarju tal-ħatra tiegħu. Il-Kummissarju għall-Istandards qal li pubblikazzjoni bi skop politiku bħal dan ma kellhiex tiġi appoġġjata permezz ta’ riklami uffiċjali mħallsa minn fondi pubbliċi. Il-Kummissarju qal li dan kien jirrappreżenta t-tħassir tal-linja li tissepara gvern minn partit. Barra minn hekk, diversi riklami kienu jinkludu ritratti ta’ ministri u xi wħud kien fihom ukoll kontenut ta’ natura partiġġjana. Dan jirrappreżenta ksur tal-linji gwida tal-Kummissarju, sostna l-Kummissarju għall-Istandards.

Fil-laqgħa l-gvern kien rappreżentat mill-Whip Laburista Andy Ellul u l-Ministru tal-Ġustizzja Johanthan Attard waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Nazzjonalisti Mark Anthony Sammut u Ryan Callus.

Fil-laqgħa tal-kumitat tal-15 ta’ Meju 2023, il-kumitat kien iddikusta jekk dan ir-rapport għandux ikun addottat fejn il-votazzjoni kienet żewġ voti kontra u żewġ voti favur. Għalhekk l-Ispeaker ried jieħu d-deċiżjoni fil-vot tiegħu.

Fis-seduta tal-lum, l-Ispeaker qal li jaqbel mal-pożizzjoni espressa iżda mhuwiex konfortat li din hi korretta legalment; għalhekk kien se jivvota kontra u r-rapport ma jistax ikun adottat. L-Ispeaker qal li problema oħra li ministri u segretarji parlamentari li jidhu fis-suppliment illum m’għadhomx fil-kariga u għalhekk dan joħloq diffikultà biex jittieħdu xi apsis jekk ir-rapport ikun addottat.